Internazzjonali

Hong Kong: Ikomplu l-miżuri ta’ ripressjoni fost sentenzi ta’ ħabs ġodda

Attivist ewlieni favur id-demokrazija f’Hong Kong spiċċa kundannat għal 14-il xahar ħabs talli kien ħa sehem f’dimostrazzjoni mhix awtorizzata, fl-2019.

Jimmy Lai, li hu sinjurun tal-media, bħalissa qed jiskonta sentenza oħra  ta’ priġunerija għal parteċipazzjoni f’dimostrazzjonijiet simili matul dik is-sena. Intant, hu se jiskonta parti mis-sentenza ġdida fl-istess żmien tas-sentenza oriġinali u li jfisser li l-priġunerija tiegħu għandha ddum għal massimu ta’ 20 xahar.

Il-verdett ingħata meta ċ-Ċina komunista qed tissikka dejjem aktar il-kontrolli fuq id-drittijiet u l-kunċett tal-libertà f’Hong Kong, li sa ftit xhur ilu kien qed jiffunzjona bħala territorju semi-awtonomu. Minbarra Jimmy Lai kien hemm attivisti oħra li weħlu sentenzi ta’ ħabs għal sehem f’dimostrazzjonijiet ‘illegali’ li saru f’Hong Kong fil-bidu ta’ Ottubru tal-2019.