Wara li l-ġurnal Times of Malta fl-aħħar jiem ikkwota partijiet mir-rapport tal-Awditur Ġenerali li sab li l-poplu Malti u Għawdxi qiegħed ta’ kuljum jinsteraq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, il-Ministri tal-Gvern qed jibqgħu jiddefendu dan is-serq.
Il-Ministru Ian Borg mar lil hinn minn hekk, u saħansitra qal lil Net News li l-poplu daħħal mitt miljun ewro, meta l-verità hi, li skont ir-rapport tal-awditur, il-poplu nsteraq mal-50 miljun ewro fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Intant, wara t-tweġiba ta’ Ian Borg, kien imissi liIl-Ministru Clayton Bartolo li jagħti l-ħsibijiet tiegħu fuq dan is-suġġett. Iżda anke hu, fl-ebda ħin ma ddefenda lill-familji li qed jinsterqu.
Il-Partit Nazzjonalista ilu s-snin jinsisti li dan is-serq jieqaf u kien għamel eżerċizzju li fih ġabar mijiet ta’ kontijiet tad-dawl tal-familji Maltin biex iressaq ‘il quddiem l-ilmenti tagħhom u sabiex dan is-serq jiġi rrimedjat. Serq li kien l-istess Gvern Laburista li tliet snin ilu kien ammetta li hu realta’.
Filfatt, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Joseph Muscat, f’Ottubru tal-2018 kien wiegħed li dan is-serq… li hu kien sejjaħlu anomalija, kellu jitranġa fi żmien sena.
Iżda mhux talli la Joseph Muscat u lanqas Robert Abela warajh ma solvew dawn l-‘anomaliji’ talli issa l-Gvern Laburista jidher determinat li jibqa’ jisraq lill-poplu Malti u Għawdxi fil-kontijiet hekk kif il-Ministri jibqgħu ma jikkommettux ruħhom li jroddu lura flus li serqu liċ-ċittadini.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalsita Bernard Grech qed iwiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista jrodd lura lill-familji Maltin u Għawdxin il-flus li nsterqulhom.
Wieħed irid ifakkar ukoll li l-enerġija, li fuqha l-Partit Laburista bena kampanja elettorali sħiħa lura fl-2013, spiċċat provdiet kontroversji kbar tul is-snin… l-aktar bl-iskandlu tal-Electrogas, it-taħwid fil-mod kif ingħataw il-kuntratti tal-powerstation u l-eluf li allegatament kellhom idaħħlu minnha fost l-oħrajn l-eks Ministru Konrad Mizzi u l-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri.
//= $special ?>