Lokali Qorti

Illiberat fuq feriti gravi wara ġlieda fuq il-post tax-xogħol

Raġel ta’ 55 sena miż-Żejtun u residenti Marsaxlokk ma nstabx ħati li fl-2017 huwa kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi fuq il-post tax-xogħol wara ġlieda li seħħet fejn fiha ż-żewġ irġiel sofrew ġrieħi gravi. Il-ġlieda kienet seħħet f’sit ta’ kostruzzjoni fuq tornavit.

L-allegat vittma fl-inċident ma xehedx fil-każ bil-Qorti preseduta mill-Maġistrtat Astrid May Grima tikkonkludi li l-imputazzjonijiet miġjuba fil-konfront ta’ Raymond Galea ma’ gewx ppruvati sal-grad rikjest mill-liġi. Is-Surġent Jean Paul Zahra xehed illi fis-26 ta’ Settembru 2017 għall-ħabta tat-3.00pm kien irċieva telefonata minghand Kuntistabbli li huwa stazzjonat Mater Dei fejn qallu li kien daħal raġel li kien involut f’glieda f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Pietro Floriani, l-Floriana.

Ix-xhud mar l-isptar flimkien max-xufier tiegħu fejn sabu lill-vittma li kien fuq ‘stretcher’ u kellu kullar ghax ma setax jiċċaqlaq. Hu tah il-verżjoni tiegħu tal-inċident. L-Ispettur Alfredo Mangion qal fil-Qorti li ittieħdu żewġ stqarrijiet tal-vittma u ppreżenta ċertifikat mediku maħruġ mit-tabiba Daniela Agius fejn gie indikat li kellu ġrieħi gravi.

Fl-istess seduta kien xehed Jeremy Briffa fejn qal li kien seħħ inċident fuq il-post tax-xogħol fuq tornavit bejn l-imghallem tiegħu u Raymond Galea. Kienu ilhom xi tliet ijiem jaħdmu hemm jagħmlu xogħol ta’ dawl u ilma, iżda kienet l-ewwel darba li kien ra lil Raymond Galea, li kien qiegħed jaghmel xogħol ta’ tindif u kien ħa t-tornavit mill-barmil.

Kienu sejrin brejk u kien għadu fuq it-tavluna u kien hemm persuna li qal xi kliem lil imgħallem tiegħu u nqalgħet glieda. Hu ma semgħax il-kliem u ma rax x’ġara imma jaf illi l-imgħallem, li huwa l-allegat vittma f’dan il-każ sofra ġrieħi taħt għajnejh ix-xellugija u fuq imnieħru u kellu d-demm.

Hu ikkonferma li l-Pulizija kienu kellmuh xi jiem wara l-inċident iżda ma’ ma ftakarx li kien qalilhom li ra xi xambrella ittir u li għaddiet minn miegħu. Xehed ukoll it-tabib Danielle Lauretta Agius fejn qal illi kien invista lill-vittma fis-26 ta’ Settembru 2017 li kellu qasma f’wiċċu u taħt għajnejh il-leminija, brix fuq wiċċu u fuq għajnejh, ġenbu, għonqu kollu fin-naħa tal-lemin, u brix ukoll fuq idejh it-tnejn.

Minhabba fil-qasma fuq wiċċu hu kien ċċertifika l-grieħi bħala ta’ natura gravi. Ix-xhud spjega li qasma ġeneralment ddum ftit ġranet u bejn seba’ u 10 t’ijiem għandha tingħalaq kompletament, iżda jiddependi jekk jkunx hemm problema biex il-persuna tfieq.

Il-problema hi li tista’ tħalli marka permanenti fuq il-wiċċ li tiġi ferita ta’ natura gravi izda ma’ setgħax jgħid se jiġri. Xehed il-Kuntistabbli Keith Borg li qal li fis-26 ta’ Settembru 2017 fit-3.30pm waqt illi hu kien stazzjonat fl-emerġenza fl-isptar, ġie infurmat minn tabib li kien daħal raġel li kellu xi ġrieħi wara li kien involut f’argument.

Hu informa l-Ghassa tal-Belt li kienu bagħtu lil xi hadd l-isptar biex jiehu l-istqarrija tal-persuna. Hu ma kellu ebda involvement ieħor u lanqas ma’ kien prezenti għall-istqarrija. Xehed ukoll it-tabib Silvio Grixti li għaraf lil Raymond Galea fl-awla u kkonferma li dak inhar tal-inċident l-akkużat kien mar għandu fil-klinika tieghu u kien qallu li kellu xi jgħid ma’ xi ħadd.

Kellu tiċrita u punti fin-nofs ta’ mniehru u kellu nefha u tbengil. Il-ġrieħi kienu ta’ natura gravi peress illi qeghdin fil-wiċċ u permanenti. L-allegat vittma f’dan il-każ għażel li ma jixhidx f’dawn il-proċeduri fil-konfront ta’ l-imputat, u dan peress li seta’ jinkrimina ruħu, kif ukoll iddikkjara illi qed jirrinunzja għal dak kollu li hu rinunzjabbli fil-konfront ta’ l-imputat.

Wara li rat il-provi miġjuba u semgħat x-xhieda u d-dikjarazzjoni minn naħa tal-vittma f’dan il-każ, il-Qorti qalet li hija konvinta illi l-imputazzjonijiet miġjuba fil-konfront ta’ l-imputat ma’ ġewx ppruvati sal-grad rikjest mill-liġi. Għal dawn il-motivi, il-Qorti sabet lil Raymond Galea mhux hati ta’ l-akkużi fost dik tar-reċediva miġjuba fil-konfront tiegħu u lliberatu minnhom. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Alfredo Mangion.