Lokali

ILLUM: L-inizjattiva tal-PN fid-Dar Ċentrali għal dawk li nsterqu mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Fi ftit sigħat, kien hemm rispons qawwi u pożittiv għall-inizjattiva tal-Partit Nazzjonalista li jitkellem f’isem il-Maltin u l-Għawdxin kollha li s’issa nsterqu madwar 50 miljun ewro mill-Gvern Laburista fl-aħħar tmien snin – serq mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Wara l-inizjattiva mħabbra l-Ħamis mill-Viċi Kap David Agius u mid-Deputat Ryan Callus, eluf ċemplu fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista għall-informazzjoni dwar kif il-Partit se jkun qed jara li ssir ġustizzja magħhom.

Fid-dawl tas-serq ta’ miljuni li l-Gvern Laburista qed jagħmel minn bwiet il-Maltin u l-Għawdxin, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed imexxi din il-kawża u jilqa’ l-ilmenti ta’ aktar nies.

Hu għalhekk li wieħed jista’ jżur id-Dar Ċentrali s-Sibt – bejn id-9am u 12.30pm – u jieħu miegħu l-Karta tal-Identità u n-numru tal-kont. Dan jgħodd kemm f’każi ta’ kontijiet residenzjali, kif ukoll dawk domestiċi u kummerċjali.

Min-naħa l-oħra, f’dan l-istadju, il-Partit Nazzjonalista se jara li l-informazzjoni kollha miġbura tinżamm b’kunfidenzjalità assoluta, b’rispett assolut lejn il-protezzjoni tad-data ta’ dak li jkun.

Min-naħa l-oħra, fil-jiem li għaddew, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ħabbar li Gvern ġdid immexxi minnu jagħti lura l-flus li nsterqu mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma.