Lokali

“In-negozji żgħar u medji għandu jkollhom sistema ta’ taxxa iktar ġusta sabiex ikunu jistgħu jinvestu aktar” – Bernard Grech

In-negozji żgħar u medji jagħtu kontribut kbir lill-ekonomija Maltija. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista se jara li dawn ikollhom sistema ta’ taxxa iktar ġusta filwaqt li ma jibqgħux jinsterqu fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma illi jħallsu.

Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-PN Bernard Grech waqt żjara f’negozju tal-familja fil-lokalità ta’ B’Bugia.

Bernard Grech qal Gvern Nazzjonalista mmexxi minnu huwa kommess li jara li jkun hemm sistema ta’ taxxa iktar ġusta sabiex dawn in-negozji jkunu jistgħu jinvestu u javvanzaw aktar.

“In-negozjant Malti rriduh jissaħħaħ, jikber u jifrojixxi u jerġa’ jinvesti ħalli u mhux biss itejjeb il-prodott tiegħu imma jtejjeb ukoll l-infrastruttura li jkun qed jaħdem biha. B’hekk joffri servizz aħjar u l-ekonomija tkompli tissaħħaħ.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar tħassib ieħor li għadhom dawn in-negozji… dan hekk kif huma wkoll qed jispiċċaw jinsterqu peress li qed iħallsu iktar fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Aħna kommessi li din se nindirizzawha u nwettquha għaliex irridu li kulħadd iħallas dak li huwa dovut u mhux ikompli jinsteraq talli qed jieħu servizz li m’għandux għażla oħra minn fejn ikun jista’ jixtrih. U allura iva l konsumatur Malti u n-negozju tagħna għalina huma importanti u rriduhom li ma jkomplux jinsterqu u nirrifondulhom l-flus lura.

Preżenti mal-Kap tal-PN kien hemm il-President tal-FORUM tal-SME’s Julian Galea u l-Viċi President Mario Rosso.