Ambjent Lokali

Jgħid li s-siġar ta’ Ħ’Attard tqaċċtu “biex issir exit lane”

Infrustructure Malta qalet li s-siġar għandhom jitqaċċtu

L-għada li żewġ siġar tal-ficus tqaċċtu minn Infrastructure Malta minn Triq in-Nutar Zarb f’Ħ’Attard, l-Awtorita’ tal-Ambjent u r-Riżorsi insistiet li id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq audit dwar is-sigurta’ fit-triq illi ġie ikkummissjonat minn Infrastructure Malta stess.

Fi stqarrija, l-ERA qalet li kienet irċeviet applikazzjoni minn Infrastructure Malta biex tbiddel il-permess maħruġ għall-proġett Central Link bil-għan li jitqaċċtu żewġ siġar fi Triq in-Nutar Zarb. L-ERA talbet lil Infrastructure Malta biex tiġġustifika din it-talba fejn min-naħa tagħha, Infrastructure Malta wieġbet li s-siġar iridu jitqaċċtu minħabba li se ssir exit lane.

Barraminhekk, skont esperti mqabbda minn Infrastructure Malta, is-siġar ma setgħux jiġu rilokati f’post ieħor għaliex is-sistema tal-għeruq tant hi estensiva li kwalunkwe tentattiv li ċċaqlaqhom f’post ieħor ma tistax issir mingħajr ħsara irreparabbli.

Il-Bord tal-ERA, tkompli l-istqarrija, bagħat l-applikazzjoni lura lil Infrastructure Malta sabiex tipproponi alternattivi li jevitaw it-tneħħija tas-siġar. Min-naħa tagħha, Infrastructure Malta qalet li ma jistgħux isiru alternattivi u s-siġar għandhom jitqaċċtu “għas-sigurta’ ta’ min juża’ t-triq”.

Il-Ħamis filgħodu residenti f’Ħ’Attard ippruvaw isemmgħu leħinhom biex iwaqqfu lill-ħaddiema ta’ Infrastructure Malta milli jqaċċtu żewġ siġar protetti.

Minn naħa tagħhom, id-Deputati Nazzjonalisti Toni Bezzina u David Agius, saħqu li ma saret l-ebda  konsultazzjoni pubblika fejn wieħed ikun jista’ jgħid l-opinjopni tiegħu dwar dan il-proġett, kif ukoll li r-residenti ma’ ngħatawx  id-dritt ta’ 30 ġurnata biex jappellaw din id-deċiżjoni minħabba li x-xogħolijiet qabdu u bdew.