L-eks Direttur Maniġerjali tat-Times Adrian Hillman ingieb lura Malta l-Ġimgħa waranofsinhar abbord it-titjira skedata tal-Air Malta – KM101 –minn Londra.
L-ajruplan deher nieżel fuq il-mitjar tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għall-ħabta tat-2.40pm, b’sorsi li tkellmu ma’ NET News jghidu li Hillman – viżibbilment għajjien – kien skortat minn Pulizija pajżana.
Flimkien mal-eks Chief of Staff f’Kastilja, Keith Schembri, Hillman kien is-suġġett ta’ Inkjesta Maġisterjali li damet għaddejja erba’ snin.
Fi tmiem l-Inkjesta – f’Marzu li għadda – Schembri kien interrogat mill-Pulizija, filwaqt li skatta proċess għall-estradizzjoni ta’ Hillman mir-Renju Unit … proċess li, minħabba li r-Renju Unit m’għadux parti mill-Unjoni Ewropea, ħa aktar fit-tul.
Madankollu, rapporti qalu li hu m’oġġezzjonax għall-proċeduri ta’ estradizzjoni ħalli jinġieb f’pajjiżna u jaffaċċja akkużi relatati ma’ ħasil ta’ flus.
Rapport tal-FIAU li kien żvelat mill-media wera kif Keith Schembri allegatament għadda madwar €600,000 lil Adrian Hillman f’madwar 30 tranżazzjoni f’erba’ snin – bejn l-2011 u l-2015.
L-eks Chief of Staff f’Kastilja kien iddepożita wkoll €225,000 fi flus kontanti f’kont bankarju tal-HSBC bejn Jannar 2011 u Frar 2016.
Id-dettalji kienu ngħaddew lill-Imħallef Aaron Bugeja – dak iż-żmien Maġistrat – mill-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. Dakinhar, il-Partit Laburista kien ipprova jirredikola lil Busuttil u l-informazzjoni li ressaq biex jiddefendi lil Keith Schembri, li kien l-id il-leminija tal-Mexxej Laburista ta’ dak iż-żmien, Joseph Muscat.
Hu mifhum li, issa li jinsab f’pajjiżna, Adrian Hillman ittieħed għall-interrogazzjoni.
//= $special ?>