Sport Waterpolo

Rebħa għal Franza għada u ż-żgħażagħ Maltin uffiċjalment jikkwalifikaw għall-Kampjonat Ewropew

(Ritratt: ASA)

MALTA………… 17

SLOVENJA……. 4

(2-0), (4-1), (4-1), (7-2)

Jonqos rebħa kif mistenni għat-tim Franċiż kontra s-Slovenja biex it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-15-il sena jikkwalifika għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew li se jsir fil-Portugall f’Lulju. Dawn il-logħob mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni f’pajjiżna, oriġinarjament kellhom jintlagħbu f’Marzu li għadda iżda ġew posposti minħabba l-Covid-19.

It-tim immexxi minn Anthony Farrugia kien konvinċentiu serja fil-logħob b’wirja kollettiva li ftit tat spazju lill-avversarji. Spikka fuq kollox Jayden Cutajar li skorja xejn anqas minn disa’ gowls. Fatt interessanti kien li s-Sloveni skorjaw il-gowls tagħhom meta kienu b’raġel aktar.

Doppjetta ta’ Jayden Cutajar fl-ewwel żewġ minuti u nofs taw vantaġġ ta’ 2-0 lit-tim Malti sakemm Branko Kirasic naqqas id-distakk f’okkażjoni ta’ raġel aktar wara li tkeċċa temporanjament Cain Cutajar. Iż-żagħżugħ ta’ Sliema kompla jkabbar il-vantaġġ fit-tieni sessjoni b’żewġ penalties, bl-istess plejer ikompli jkabbar l-iskor lejn nofs is-sessjoni u żied ieħor għal 6-1 eżatt qabel il-mistrieħ.

Dan id-distakk għen liż-żgħażagħ Maltin biex setgħu jikkontrollaw il-logħba mingħajr diffikultà. Fl-ewwel minuta tat-tielet sessjoni Elijah Schembri skorja għal Malta, b’Filippo Porta jiskorja għas-Slovenja, f’dak li kien it-tieni gowl minn okkażjoni ta’ raġel aktar fl-ilma.

Madankollu, it-tim ta’ Anthony Farrugia għamel ċert mir-rebħa bit-tliet gowls mingħajr risposta fit-tieni nofs tas-sessjoni b’gowls ta’ Jayden Cassar, Jayden Cutajar u Enrico Mallia. Fl-aħħar sessjoni, il-gowls għaż-żgħażagħ Maltin komplew ġejjin, bil-kowċ Farrugia jsib l-opportunità biex jagħti spazju lill-plejers l-oħra fit-tim mingħajr ma jnaqqas mil-livell ta’ prestazzjoni.

Malta: D. Galea Mule, L. Dimech (1), I. Azzopardi, G. Bonavia, J. Cassar (1), D. Bugeja, Z. Cutajar Licari (1), J. Cutajar (9), E. Schembri (1), C. Cutajar (1), L. Montebello Brownrigg (1), E. Mallia (2), M. Brimmer

Slovenja: G. Karnicar, M. Santak, F. Policnik, A. Povhe, N. Lukic, T. Basic (1), D. Laketic (1), B. Kirasic (1), J. Klobucar, F. Porta (1), M. Serazin, N. Stromajer, B. Udovc

Referees: Massimo Castrilli (Żvizzera), Ivo Mares (Repubblika Ċeka)