L-awtoritjiet fis-Sri Lanka huma mħassbin dwar il-possibbiltà ta’ diżastru ekoloġiku ‘storiku’ wara li vapur tal-kontejners ħa n-nar ‘il hinn mill-bajja ta’ Negombo — bir-riżultat li l-bajjiet u artijiet oħrajn tal-kosta ( lejn il-Punent) mtlew biż-żejt u kwantità ta’ debris.
Ix-xeni allarmanti tal-istraġi f’Negombo – resort popolari mat-turisti – qajjmu għadab kbir fis-Sri Lanka meta l-qawwiet tal-baħar tal-pajjiż kienu qegħdin jistinkaw biex jikkontrollaw in-nirien fuq il-vapur bl-isem X-Press Pearl li hu reġistrat f’Singapore. Il-vapur qed iġorr kunsinna ta’ kimika u kosmetiċi u ilu jaqbad fiz-zona għal aktar minn ġimgħa.
Sadanittant, taqsimiet tal-qawwiet tal-baħar tal-Indja u esperti tas-salvataġġ għal fuq il-baħar qegħdin jikkooperaw mal-qawwiet tal-baħar Srilankani biex jevitaw diżastru fuq skala akbar.
Dan fost l-inkwiet li l-vapur jegħreq fost leakage ta’ mijiet ta’ tunnellati ta’ żejt – b’impatt diżastruż għall-ħajja marittima f’dik iz-zona.
Il-ħidma tal-qawwiet tal-baħar sa ftit ilu kienet qed tkun imfixkla mill-maltemp u l-irwiefen tal-istaġun tal-monsoon. Intant, kien hemm ukoll rapporti li n-nirien fuq il-vapur kienu ‘kważi kontrollati’ anki jekk, sa dak il-ħin, kien ‘impossibbli’ biex l-iskwadri għall-emerġenzi jitilgħu abbord.
Għalkemm in-Navy tas-Sri Lanka kien qed jaħseb biex jiġbed il-vapur ‘il barra, dan ma kienx mistenni li jsir sakemm l-esperti jevalwaw il-kundizzjoni tal- bastiment.
//= $special ?>