Ir-Russja ċaħdet l-aċċess għal żewġ linji tal-ajru mill-Ewropa talli l-istess linji kienu qed jippjanaw li jevitaw titjiriet minn fuq il-Belarus waqt il-vjaġġi lejn Moska. Iż-żewġ linji – Air France u Austrian Airlines kellhom iħassru s-servizzi wara li l-iskedi tat-tirijiet tagħhom spiċċaw miċħuda mill-awtoritajiet Russi.
Ir-Russja – alleata kbira tal-Belarus – qed tieħu dan il-pass bla preċedent biex tesprimi solidarjetà mal-Gvern ta’ Minsk, immexxi mill-President Alexander Lukashenko, wara li l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea talbu lil-linji tal-ajru tal-Ewropa biex jevitaw l-ispazju tal-ajru tal-Belarus fost il-kriżi attwali mal-eks Stat Sovjetiku li qed jitmexxa bi stil simili għal dittatorjat.
Il-kriżi bejn l-Ewropa u Minsk bdiet wara li ajruplan tar-Ryanair, nhar il-Ħadd, kien imġiegħel jinżel fil-Belarus bl-iskuża li ‘seta kien hemm bomba abbord’. Intant, il-veru skop tal-awtoritajiet tal-Belarus kien biex huma jarrestaw lill-ġurnalista Roman Protasevich – dissidenti u kritiku kbir ta’ Lukashenko — li kien fuq l-ajruplan flimkien mat-tfajla tiegħu.
L-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli mill-avjazzjoni ċivili beħsiebha tibda investigazzjoni ‘għall-ġbir tal-fatti’ fir-rigward tal-azzjonijiet tal-Belarus. Intant, għandu jsir magħruf ‘mingħajr ħjiel ta’ dubju’ jekk il-Belarus abbużax mil-liġi tal-avjazzjoni internazzjonali.’ Dan meta l-President Russu, Vladimir Putin u l-President Lukashenko qed jiddiskutu din il-kriżi waqt laqgħa fl-inħawi ta’ Sochi.
L-UE, issa, qed tanalizza bir-reqqa d-deċiżjoni tar-Russja biex twaqqaf it-titjiriet lejn Moska bħala l-ewwel azzjoni ‘sinifikanti’ tal-Kremlin f’dan il-konflitt diplomatiku. Filwaqt li r-Russja ma kkummentatx dwar l-azzjoni li ħadet, numru ta’ titjiriet – fosthom titjiriet tal-linja Ġermaniża Lufthansa u tal-linja Pollakka, Lot – waslu f’Moska xorta waħda fl-aħħar sigħat.
Intant, il-Ministeru Awstrijak għall-Affarijiet Barranin qal li l-azzjonijiet tar-Russja f’din is-sitwazzjoni ‘ma jagħmlux sens’ waqt li l-Gvern ta’ Franza qal li ‘il-prinċipju tar-reċiproċità (fis-settur tat-titjiriet) għandha tkun irrispettata’.
L-Unjoni Ewropa u r-Renju Unit fl-aħħar jiem ipprojbew l-ajruplani tal-linja tal-ajru (Belavia) tal-Belarus milli jgħaddu minn fuq it-territorji tagħhom u qed iħejju aktar azzjonijiet fil-konfront ta’ dan il-pajjiż, kif ukoll kontra Lukashenko u uffiċjali oħra f’Minsk.
Il-Kap tal-Politika Barranija tal-UE, Josep Borrell, irrefera għal pjani ‘biex l-UE timplimenta sanzjonijiet għal ċerti setturi ekonomiċi għall-iskaptu tal-Belarus’ u li huma konnessi mal-każ tal-ġurnalista li fl-aħħar sigħat kien permess li jara lill-avukat tiegħu għall-ewwel darba mindu spiċċa taħt arrest.
Il-projbizzjoni ġiegħelet lill-Belavia tħassar mat-12-il rotta regolari sat-30 ta’ Ottubru, bir-rotot affettwati jinkludu Amsterdam, Berlin, Brussell, Frankfurt, Hanover, Kaliningrad, Milan, Munich, Ruma, Vienna and Varsavja. B’konsegwenza ta’ dan il-Belarus se jitlef il-miljuni tad-dollari bħala over-flight fees minħabba li l-linji tal-ajru Ewropej mhumiex qed jużaw l-ispazju tal-ajru tiegħu.
//= $special ?>