Lokali Qorti

AĠĠORNATA: Adrian Hillman jingħata l-ħelsien mill-arrest, friżati l-assi tiegħu

Issekwestrati l-assi kollha tiegħu u taż-żewġ kumpaniji

L-eks direttur maniġerjali tal-Allied Newspapers, Adrian Hillman ingħata l-ħelsien mill-arrest. Hillman qed ikun akkużat b’ħasil ta’ flus, frodi u reati oħra. L-akkużi kontra Hillman huma kontrih personali u bħala rappreżentant tal-Overseas Ltd u Lester Holdings.

Hillman, tressaq il-Qorti is-Sibt għall-ħabta tal-10 ta’ filgħodu wara li ġie estradit lejn Malta mir-Renju Unit.

Il-Maġistrat Doreen Clarke qalet li l-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €50,000 u garanzija personali ta’ €100,000 li għandhom iħallsu l-ġenituri u oħtu. iżda qed tissekwestra l-assi kollha ta’ Hillman u taż-żewġ kumpaniji, tal-Overseas Ltd u Lester Holdings.

Il-Qorti ordnat li Hillman għandu dritt jirċievi salarju ta mhux aktar minn 13-il elf ewro fis-sena. Ordnat ukoll sabiex jidher għal kull seduta tal-Qorti, ma jikkommettix delitt ieħor u ma javviċinax persuni relatati mal-każ. Apparti dan, Hilmann ma jistax joħroġ mid-dar bejn l-10pm u s-7am, ma jistax isiefer, jitla’ fuq dgħajjes u jrid ikun 100 metru ‘l bogħod mill-kosta. Kuljum irid jmur jiffirma fl-għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan.

Wara li saret talba mill-Awtoritajiet Maltin, il-Ġimgħa Hillman ġie estradit lejn Malta mir-Renju Unit b’rabta ma’ investigazzjonijiet li għaddejjin mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji. Dawn l-investigazzjonijiet huma relatati max-xiri tal-magni għall-istamperija tat- Times of Malta.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Xerri u Lianne Bonello, kif ukoll minn Antoine Agius Bonnici, Andrea Zammit u Sean Xerri de Caro mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Adrian Hillman kien assistit minn Stefano Filletti, Mark Refalo, Maurice Meli u Nicole Galea.

Id-dettalji kollha mis-seduta:

Ftit tal-ħin ilu tressaq il-Qorti Adrian Hillman akkużat b’ ħasil ta’ flus, frodi u reati oħra. L-akkużi kontra Hillman huma kontrih personali u bħala rappreżentant tal-Overseas Ltd u Lester Holdings.

10.20am: Fix-xhieda tiegħu l-Ispettur Xerri, li fil-ġimgħat li għaddew kienu għaddew id-dar ta’ fejn hu mniżżel li jgħid Hillman, fetħet oħtu iżda ġew magħrfa li Adrian Hillman kien emigra lejn ir-Renju Unit. Huwa kompla li wara proċessi biex jinġieb lura Malta, ilbieraħ Hillamn wasal f’pajjiżna.

10.28am: Ftit tal-ħin ilu kien preżentat il-mandat ta’ arrest ta’ Hillman

10.30am: Hillman kien mitlub iqum bil-wieqfa biex jikkonferma dettalji tiegħu. Hillman ma kienx jaf iwieġeb u jikkonferma l-indirizzi tal-kumpaniji tiegħu.

10.31am: Hillman wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

10.32am: Adrian Hilmann wieġeb ukoll għall-kumpaniji msemmija, u qal li mhux ħatja tal-akkużi fil-konfront tagħhom.

10.37am: L-imputat talab għall-Ħelsien mill-Arrest, il-prosekuzzjoni qed timponi.

10.37am: L-akkużi fil-konfront ta’ Hillman huma bejn l-2005 u l-2019.

10.38am: Jerġa’ jitla’ jixhed l-ispettur Xerri fuq talba tal-avukat Filletti. Fis-7 ta’ Marzu ta’ din is-sena kien sar l-ewwel tentattiv mill-Pulizija biex ikellmu lil Hillman. Hillman qal li kien mar fir-Renju Unit għax martu kienet sabet xogħol hemmhekk fejn bdiet tgħallem u taqdi l-irwol bħala għalliema.

10.40am: Xerri qal li Hillman ilbieraħ ma weġibx id-domandi kollha. Hillman ma weġibx għax ħass li ma kellux għalfejn jispjega lilu nnifsu.

10.43am: Xerri kkonferma li Hillman ta l-konferma li jkun estradit fl-24 ta’ Mejju 2021.

10.47am: Tela’ jixhed Colin Hillman, missier Adrian Hillman.

10.50am: Colin Hillman jgħid li lest iservi għal garanzija għal ibnu f’każ li anki Adrian jeħel snin ta’ priġunerija.

10.52am: Ittellat tixhed ukoll il-mamà ta’ Adrian Hillman, Irene Hillman. Hija wieġbet li lesta sservi ta’ garanzija għal binha, anki jekk Adrian jeħel snin ta’ priġunerija.

10.54am: F’każ li Adrian jeħel bail, hija wieġbet li anki hi lesta tkun il-garanzija għal din il-bail.

10.55am: Xehdet ukoll oħt Adrian Hillman, Geraldine Naudi, hija qalet li lesta wkoll iservi bħala garanzija għal ħuha.

10.59am: Il-prosekuzzjoni qalet li l-Pulizija ma kinitx taf li Hillman emigra lejn l-Ingilterra u li hu kien jaf li qed ikun investigat, anki kieku ra r-rapporti fil-midja.

11.01am: Waħda mill-biżgħat li għandha l-prosekuzzjuni hi li Hillman ma jobdix l-ordnijiet tal-Qorti jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest.

11.03am: Fis-sottomissjoni tiegħu, l-avv. Filletti, li qed jirrapreżenta lil Hillman l-pożizzjoni għandha tkun favur il-ħelsien mill-arrest, għax il-Qorti trid tieħu fatturi tal-gravità tal-imputat, il-garanziji li hemm… u qal li hemm bżonn li jsir eżami ta’ dan kollu. Huwa qal li wara 16-il sena issa qamet l-urġenza li Hillman jitressaq il-ħabs.

11.07am: Huwa qal li l-proeskuzzjoni kienet taf fejn jinsab Hillman, hu qal li Hillman mar f’pajjiżu, l-Ingilterra. Huwa qal li l-awtoritajiet setgħu kien jafu faċilment fejn kien jinsab Hillman. Huwa qal li Hillman qatt ma ried jaħrab.

11.10am: Huwa qal li Hillman kien f’Ottubru f’Malta, u li lil Hillman ħadd ma ried ikellmu.

11.12am: Filletti kompla li l-investigazzjonijiet bdew fl-2017, u minn dak iż-żmien ħadd ma kien bagħat għalih għajr fl-aħħar ġimgħat.

11.15am: Huwa qal li mill-2005, l-ewwel darba li Hillman kien msejjaħ kien fl-2021.

11.17am: Huwa qal li l-ewwel darba li kelmu lil Hillman kien ilbieraħ waranofsinhar.

11.22am: Filletti qal li Hillman ikkopera mal-pulizija Ingliża. Huwa qal li Hillman ilbieraħ ma weġibx għall-mistoqsijiet tal-Pulizija għax kien jaf li l-Pulizija ddeċidew li se jressquh il-Qorti.

11.25am: Huwa qal li kien hemm problemi fil-proċess tal-estradizzjoni minħabba l-Brexit.

11.33am: Is-sedita tkun posposta għal ftit mumenti.

11.36am: L-avv. Filletti jkompli bis-sottomissjonijiet tiegħu.

11.38am: Huwa qal li mhux sew għax ma tlestewx l-investigazzjonijiet Hillman jinżamm il-ħabs.

11.45am: Huwa kompla li huma qed joffru garanzija, u saqsa, xi jrid jingħata aktar? Huwa kompla li Hillman għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest.

11.51am: Il-proskuzzjoni min-naħa tagħha qalet li Hillman mhux vera kkopera bis-sħiħ u li ma jaqblux ma’ dak li qal Filletti.

11.55am: L-avv. Filletti qal li l-ewwel darba li Hillman sar jaf bl-inkjesta Maġisterjali, apparti dak li kien irrapurtat fil-midja kien ilbieraħ u li d-dokumenti kellu siltiet mogħtija bl-iswed.  

11.58am: Il-Prosekuzzjoni qed titlob l-iffriżar tal-assi ta’ Hillman u taż-żewġ kumpaniji.

12.02pm: Filletti jagħmel talba għal Hillman li hu mhux jopponi għll-iffrizzar, iżda mhux għal iffrizzar assolut.

12.04pm: L-avv. Agius Bonnici qal li l-prosekuzzjoni tirrileva li f’każi ta’ ħasil ta’ flus bħal ma hu l-akkużat Adrian Hillman il-preżunzjoni hi li l-assi kollha li hu għandu jiffurmaw parti mill-attività kriminali li jkun tressaq għaliha.

12.09pm: Il-kawża ġiet posposta biex tiddeċiedi fuq it-talbiet li tressqu.

1.15pm: Il-Maġistrat Doreen Clarke qalet li l-Qorti tilqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda qed tissekwestra l-assi kollha ta’ Hillman u taż-żewġ kumpaniji, tal-Overseas Ltd u Lester Holdings.

1.18pm: Il-Qorti ordnat li Hillman għandu dritt jirċievi salarju ta madwar 13-il elf ewro fis-sena. Hu se jkun qed joqgħod is-Swieqi m’oħtu.

1.26pm: Il-Qorti ordnat sabiex jidher għal kull seduta tal-Qorti, ma jikkommettix delitt ieħor, ma javviċinax persuni relatati mal-każ. Ma jistax joħroġ bejn l-10pm u s-7am. Ma jistax isiefer, jitla’ fuq dgħajjes u jrid ikun 100 metru ‘l bogħod mill-kosta.Kuljum irid jmur jiffirma fl-għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan.

Hu ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €50,000 u garanzija personali ta’ €100,000 li għandhom iħallsu l-ġenituri u oħtu.

Dak li ttella’ qabel:

Ilbieraħ, wara talba mill-Awtoritajiet Maltin, ġie estradit lejn Malta mir-Renju Unit l-eks Direttur Maniġerjali tat-Time, Adrian Hillman b’rabta ma’ investigazzjonijiet li għaddejjin mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarj.

Dawn l-investigazzjonijiet huma relatati mal-konklużjonijiet ta’ Inkjesta Maġisterjali, fejn diġà ttieħdu proċeduri kriminali fil-konfront ta’ diversi persuni u kumpaniji fosthom l-eks Chief of Staff ta’ Kastilja Keith Schembri.

Illum, għall-ħabta tal-10:00am, Hillman ser jitressaq il-Qorti, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke, akkużat b’ ħasil ta’ flus, frodi u reati oħra.

Il-prosekuzzjoni se tkun qed titmexxa mill-Ispetturi Joseph Xerri u Lianne Bonello, kif ukoll minn Antoine Agius Bonnici, Andrea Zammit u Sean Xerri de Caro mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Adrian Hillman kien assistit minn Stefano Filletti, Mark Refalo, Maurice Meli , u Nicole Galea.