Chelsea huma ċ-champions l-ġodda tal-Ewropa meta llejla għelbu lil Manchester City 1-0, fil-finali tal-UEFA Champions League, f’Estádio Do Dragão ta’ Porto, fil-Portugall. Il-gowl li ddeċieda kollox din il-finali kien skorjat żewġ minuti mit-tmiem tal-ewwel taqsima minn Kai Havertz, b’konklużżjoni bix-xellug u f’dik li kienet azzjoni maħduma b’mod tajjeb ħafna mill-plejers taħt it-tmexxija ta’ Thomas Tuchel.

Fl-ewwel taqsima, għalkemm Manchester City kellhom pussess bi ftit aktar mill-avversarji, l-aħħar okkazzjonijeit ta’ skor kienu f’saqajn Chelsea.

Fis-60 minuta ta’ din il-partita, xokk għal Manchester City meta weġġa’ u kellu jkun mibdul, il-captain tat-tim, Kevin de Bruyne wara azzjoni li fiha kellu kuntatt mad-difensur ta’ Chelsea, Antonio Rudiger. Fl-istess azzjoni, il-Ġermaniz kien ammonit mir-referee Antonio Mateu Lahoz. de Bruyne deher joħroġ mill-grawnd bid-dmugħ f’għajneħ hekk kif jidher li l-Belġjan weġġa’ għonqu serjament, filwaqt li f’għajneħ għandu black eye.
Din l-injury tinkwieta mhux ftit lil Roberto Martinez, kowċ tal-Belġju, hekk kif wieħed għad irid jara kemm hi gravi jew le din l-injury, qabel il-bidu tal-Euro 2020.

Fl-aħħar azzjoni tal-partita, Manchester City kienu viċin li jisfurzaw l-extra time fil-logħba, meta konklużżjoni tal-Alġerin Riyad Mahrez ħabtet mal-minduda.

L-istatistika fit-tmiem ta’ din il-finali, tikkonferma li l-plejers taħt it-tmexxija ta’ Pep Guardiola, Manchester City kellhom aktar pussess tal-ballun f’saqajhom minn Chelsea. Madankollu, filwaqt li t-tnejn li huma kellhom l-istess ammont ta’ konklużżjonijiet lejn il-lasta avversarja, l-aħħar opportunitajiet ta’ skor kienu f’saqajn Chelsea. Huma kellhom erba’ azzjonijiet kbar ta’ skor.

Il-finali tal-lejla kienet l-ewwel waħda fl-istorja tal-klabb ta’ Manchester City f’din il-kompetizzjoni, filwaqt li għal Chelsea, din kienet it-tielet finali tagħhom. Fiż-żewġ finali preċidenti, Chelsea kienu rebħu finali waħda, dik tas-sena 2012, meta kienu għelbu lil Bayern Munich wara l-għoti tal-penalties.




Iż-żewġ timijiet bdew b’din il-formazzjoni:
Manchester City: Ederson, Walker, Dias, Stones, Zinchenko, Gundogan, De Bruyne, Bernardo, Mahrez, Sterling, Foden
Chelsea: Mendy, James, Thiago Silva, Rudiger, Azpilicueta, Kante, Jorginho, Chilwell, Mount, Havertz, Werner