Sport Sport Ieħor

Eleanor Bezzina l-ewwel atleta konfermata għall-Olimpjadi ta’ Tokjo

(Ritratt: Matthew Mirabelli)

It-tiratriċi Eleanor Bezzina hija l-ewwel atleta Maltija kkonfermata li se tirrapreżenta lil Malta fl-Olimpjadi ta’ Tokjo tas-sajf li ġej. Dawn se jkunu t-tieni Olimpjadi għal Bezzina hekk kif kienet ukoll ikkompetiet fl-Olimpjadi ta’ Rio fl-2016.

Eleanor Bezzina qalet li din l-aħbar waslet għaliha bħala sorpriża hekk kif bosta kompetizzjonijiet internazzjonali li kellha tieħu sehem fihom ġew ikkanċellati minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Bezzina żiedet tgħid li minkejja li f’pajjiżna ma’ setgħetx titħarreġ fil-faċilitajiet li normalment titħarreġ fihom, xorta sabet alternattivi sabiex tibqa’ tipprattika.

Bħalissa Bezzina qed tikkompeti fil-Kampjonati Ewropej li qed isiru f’Osijek fil-Kroazja. Din hija l-ewwel kompetizzjoni wara 14-il xahar għal Bezzina u fl-Air Pistol event tal-10 metri hi temmet fis-16-il post minn 70 tiratur. Nhar it-Tnejn Bezzina se tkun qed tikkompeti fil-Air Pistol event tal-25 metru.

“Din l-aħbar se sservi bħala motivazzjoni sabiex nkompli nitħarreġ b’aktar intensità u nikkonċentra sabiex ikolli prestazzjonijiet tajbin. Huwa ta’ unur li se nkun qed nifforma parti mill-kontinġent Malti li se jkun qed jieħu sehem fl-Olimpjadi ta’ Tokjo,” kompliet tgħid Bezzina.

Fil-jiem li ġejjin il-Kumitat Olimpiku Malti se jkun qed iħabbar aktar ismijiet ta’ atleti Maltin li se jkunu qed jieħdu sehem fl-Olimpjadi tas-sajf li ġej. Il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti, Julian Pace Bonello qal li l-Kumitat huwa sodisfatt li jara l-ewwel atleta magħżula għall-Olimpjadi, bit-triq għall-Olimpjadi tkun waħda ta’ sfida anke minħabba l-pandemija. L-Olimpjadi li se jsiru f’Tokjo se jibdew fit-23 ta’ Lulju u jintemmu fit-8 ta’ Awwissu.