Lokali

Id-dwana b’qabda ta’ aktar minn 98,000 sigarett tal-kuntrabandu


Operazzjoni ta’ tfittxija mid-Dwana u l-Pulizija f’ħanut, residenza, vettura u żewġ garaxxijiet differenti, kollha marbuta ma’ persuna mir-Rabat, irriżultat f’ġabra ta’ 98,600 sigarett tal-kuntrabandu u 2,060 gramma ta’ tabakk li fuqhom €21,050 ġew evitati fid-dazju u taxxi oħra.

Għall-aħħar ġimgħat, id-Dipartiment tad-Dwana ħadem b’mod intensiv fuq informazzjoni miġbura permezz ta’ sorsi differenti dwar il-kuntrabandu tas-sigaretti u rnexxielhom jidentifikaw persuna suspettuża, li fuqha twettaq eżerċizzju ta’ osservazzjoni għal diversi jiem.

Nhar il-Ħamis tard waranofsinhar, waqt li kienu qed iwettqu dmirijiet ta’ sorveljanza, uffiċjali tad-dwana nnutaw lill-persuna suspettata ħierġa mill-ħanut tagħha fir-Rabat bil-karozza. Huma segwew il-vettura lejn Ħad-Dingli, fejn il-vettura ġiet innutata tidħol f’kumpless ta’ garaxxijiet.

Fl-ewwel garaxx ġew elevati 32,200 sigarett tal-kuntrabandu u 40 pakkett ta’ tabakk

Fit-tieni garaxx ġew elevati 50,000 sigarett tal-kuntrabandu

Minn karozza ġew elevati 500 sigarett tal-kuntrabandu

Minn ħanut tax-xorb ġew elevati 2,600 sigarett tal-kuntrabandu u 11-il pakkett ta’ tabakk

Dan filwaqt li mir-residenza tal-persuna suspettuża ġew evalwati 3,400 sigarett tal-kuntrabandu.