Enerġija Lokali

Mijiet jilqgħu s-sejħa tal-Partit Nazzjonalista

Il-PN kommess li jkun il-vuċi tal-poplu fis-serq li l-Gvern qed jagħmel fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Mijiet ta’ persuni laqgħu s-sejħa tal-Partit Nazzjonalista… inizjattiva fejn il-Partit Nazzjonalsita qed jitkellem f’isem il-Maltin u l-Għawdxin kollha li s’issa nsterqu madwar 50 miljun ewro mill-Gvern Laburista f’dawn l-aħħar tmien snin – serq li sar mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Fid-dawl tas-serq ta’ miljuni li l-Gvern Laburista qed jagħmel minn bwiet il-Maltin u l-Għawdxin, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed imexxi din il-kawża …u mis-Sibt filghodu beda jilqa’ l-ilmenti tan-nies.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kellu l-okkażjoni jiltaqa’ ma’ dawn il-persuni fejn urew it-tħassib tagħhom għal dan is-serq tal-Gvern Laburista. Bernard Grech saħaq li l-Partit Nazzjonalsita huwa kommess li joffri s-soluzzjonijiet għal din l-anomalija fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Fost in-nies li resqu sabiex jagħmlu l-ilment tagħhom kien hemm raħħala, bdiewa, ommijiet, anzjani u sidien ta’ negozji żgħar u medji. Huwa qal li din hija xi ħaġa li qed taffettwa lil kulħadd, għax diversi persuni qed jispiċċaw iħallsu iktar għas-servizz li qed jieħdu. Għalhekk Bernard Grech saħaq li għandha ssir ġustizzja fejn kulħadd iħallas biss għal dak li qed jikkonsmaw biss.

Fl-ewwel kummenti tiegħu, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius qal li l-pubbliku sema’ u laqa’ l-istedina li saret mill-Partit Nazzjonalista għal dawk il-persuni li nsterqu mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma… hekk kif Gvern ġdid Nazzjonalista huwa kommess li ssir ġustizzja magħhom. David Agius fakkar li din hija kawża li permezz tagħha se ssir ġustizzja ma’ kulħadd… ma’ dawk kollha li saret inġustizzja magħhom.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija Ryan Callus qal li jinsab sodisfatt immens li l-Maltin laqgħu din is-sejħa li għamel il-Partit Nazzjonalista… sejħa għal kull Malti u Għawdxi li saret inġustizzja miegħu bis-serq ta’ dawn il-kontijiet. Huwa qal li jinsab kommess lejn din il-kawża għax il-Partit Nazzjonalista qiegħed id f’id mal-poplu Malti u Għawdxi kollu.