Lokali

Apap Bologna jirriżenja mill-bord tal-Electrogas

Paul Apap Bologna, wieħed mill-investituri fil-proġett tal-Power Station, irriżenja mill-Bord tal-Konsorzju Electrogas.

Dan wara li kien espost bħala s-sid tal-kumpanija sigrieta Kittiwake irreġistrata fl-Emirati Għarab Maqħquda. L-aħbar kienet żvelata mill-ġurnal The Sunday Times of Malta fejn qalet li min-naħa l-oħra hu baqa’ direttur u azzjonist fil-konsorzju GEM Holdings, li jiġbor flimkien, l-azzjonisti Maltin fil-proġett tal-Electrogas.

Iktar kmieni dan ix-xahar kien żvelat li Paul Apap Bologna kien is-sit tal-kumpanija Kittiwake fl-Emirati Għarab Magħquda. Din il-kumpannija twaqqfet fl-istess żmien mal-kumpanija 17 Black, il-kumpanija ta’ Yorgen Fenech li bħalissa qed jiffaċċja akkużi li kien fost il-mandanti tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Apap Bologna kien ħa post Yorgen Fenech bħala direttur tal-Electrogas wara li tal-aħħar kien arrestat f’Novembru tal-2019.

Kittiwake innifisha tinsab fiċ-ċentru ta’ investigazzjoni dwar ħasil ta’ flus flimkien ma’ 17 Black u l-kumpaniji fil-Panama tal-eks Ministru Konrad Mizzi u tal-eks Chief of Staff Keith Schembri.

Din il-ġimgħa, waqt il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament, Paul Apap Bologna għażel li ma jweġibx numru ta’ mistoqsijiet mid-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina dwar il-kumpanija Kittiwake fejn eżerċita d-dritt tas-silenzju biex ma jinkriminax ruħu.

Il-Kumpanija Kittiwake twaqqfet f’Lulju tal-2015, xahrejn wara li Yorgen Fenech kien waqqaf 17 Black.

Meta xehed fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tas-sena li għaddiet, Paul Apap qal li ma kienx jaf li Yorgen Fenech kien is-sid ta’ 17 Black, minkejja li dan kien fatt magħruf sa minn Novembru tal-2018.

Dakinhar hu kien qal li din kienet akkuża mill-media, u mhux fatt.

Tags