Lokali

Attent: Fl-aħħar xahar insterqu iktar minn €100,000 permezz ta’ messaġġi qarrieqa

Fl-aħħar erba’ ġimgħat insterqu iktar minn €100,000 wara li madwar 200 persuna ngidmu minn messaġġi qarrieqa li ntbagħtu permezz ta’ sms jew email.

Dan ġie konfermat minn stqarrija maħruġa mill-Pulizija ta’ Malta fejn fl-aħħar ġimgħat kellhom madwar 200 rapport filwaqt li minn dawn inġibdu b’serq minn kull vittma ta’ kontijiet bankarji bejn €800 u €1,800.

Dawn il-messaġġi qarrieqa jistgħu jvarjaw bejn wieħed jingħata struzzjoni biex jaċċessaw link u jħallsu miżata amministrattiva żgħira filwaqt li oħrajn jimitaw operaturi ta’ banek lokali u jitolbu tranżazzjoni ‘essenzjali’ biex jivverifikaw xi informazzjoni jew tranżazzjoni.

Wieħed hu mħeġġeġ biex ma jgħaġġilx biex jagħfas fuq link u jagħti informazzjoni privata. Biex tinduna jekk il-link mibgħuta għandix tqajjem suspett, minkejja li l-indirizz tas-sit ikun simili ħafna, wieħed għandu jara jekk l-istrixxa tal-indirizz huwiex ġenwin hekk kif ħafna drabi jkun hemm xi ittri li jvarjaw.

U biex żgur ma tingidimx, għandek dejjem tidħol fis-sit elettroniku ġenwin ta-operatur postali jew tal-bank li hi magħrufa pubblikament. Verifikazzjoni ta’ sms jew email li jintbagħat għandha dejjem issir jekk hemm xi suspett ta’ scam.