Internazzjonali

Franza: Tfittxija għal ex-suldat perikoluż li spara fuq il-pulizija

Il-qawwiet tas-sigurtà Franċiżi qed ifittxu għal eks suldat li fl-aħħar sigħat fetaħ in-nar għal fuq il-pulizija. Ir-raġel hu mfisser bħala ‘ferm perikoluż’ fost rapporti li hu kien armat sa snienu u twissijiet biex in-nies ma javviċinawhx.

Intant, kienu qed jieħdu sehem fit-tfittxija numru ta’ ħelikopters u skwadri bil-klieb imħarrġin apposta għal dawn l-impenji. Dan waqt li aktar minn 200 uffiċjal tas-sigurtà kienu qed iduru madwar il-belt ta’ Le Lardin-Saint-Lazare fir-reġjun ta’ Dordogne.

L-eks suldat ta’ 30 sena – li kien inħeles ftit ilu mill-ħabs —  għandu storja ta’ vjolenza domestika u l-Gvern lokali, fl-aħħar sigħat, avża lir-residenti ta’  Le Lardin-Saint-Lazare biex ma joħorġux mid-dar.

Hu, intant, kien fetaħ in-nar fuq il-pulizija meta dawn wieġbu għal ‘ġlieda’ li nqalgħet meta l-eks suldat żar ir-residenza tal-eks sieħba tiegħu – bl-istess raġel, imbagħad, jaħrab lejn zona ta’ foresta fil-viċin.

Din iz-zona fl-aħħar sigħat kienet imdawwra mill-pulizija, bl-aħħar rapporti jgħidu li l-eks suldat spiċċa jispara wkoll għal raġel li fil-preżent jinsab f’relazzjoni mal-eks sieħba u li allegatament spiċċa ferut. L-eks sieħba u t-tfal tagħha jinsabu qawwijin u sħaħ u huma qegħdin jinżammu taħt il-protezzjoni tal-pulizija.