Lokali

Gvern ġdid Nazzjonalista jara li pajjiżna jibda juża’ l-orħos sors ta’ enerġija – Bernard Grech

Hemm ammonti sostanzjali ta’ flus li l-familji u n-negozji għandhom jieħdu lura wara li nsterqu mill-Gvern Laburista fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. U Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun jista’ jagħti l-flus lura billi, fost l-oħrajn, jara li l-pajjiż ma jibqax marbut mas-sors li qed juża’, iżda jibda juża’ l-orħos sors – l-Interconnector.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed jiġi intervistat minn Mark Laurence Zammit. Bernard Grech qal li jekk il-Gvern jibqa’ ma jagħmel xejn, ikun qed jikkonferma li hu komdu jkompli jisraq lil kull Malti u Għawdxi. Dan meta dan il-Gvern tela’ bil-wegħda li se jġib rivoluzzjoni fis-settur tal-Enerġija, iżda fil-verità din hi l-aktar wegħda li qed jisraq lill-poplu fiha.

Matul l-intervista, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-kampanja biex il-poplu ma jibqax jinsteraq tkompli l-Ġimgħa, f’Ta’ Sannat għall-Għawdxin u issa anke b’sistema online. Dan filwaqt li wieħed jista’ jibqa’ jgħaddi d-dettalji tiegħu fid-Dar Ċentrali matul il-ħinijiet tal-uffiċċju.