Irrid nara li l-Partit Nazzjonalista jkompli jaħdem flimkien għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin kollha, b’impenn li jkompli jiġġedded u jissaħħaħ. Dan kien il-messaġġ ta’ impenn li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech matul l-intervista tal-Ħadd filgħodu, immexxija minn Mark Laurence Zammit.
Matul l-intervista kienu trattati temi differenti, fosthom il-kwistjoni tal-abort, b’Bernard Grech jgħid li l-Partit Nazzjonalista kien u għadu kontra l-abort għax hu favur il-ħajja. Dan għax jemmen fl-obbligu li nipproteġu lil dik il-ħajja li m’għandhiex vuċi. Min-naħa l-oħra, jemmen f’diskussjoni pubblika biex ikunu mgħejjuna l-koppji li jkunu għaddejjin minn diffikultà għax hemm ħafna li qed ibatu.
Dwar il-kwistjoni ta’ Carmelo Abela, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li se jibqa’ jara li l-politiku jkun responsabbli ta’ għemilu. Min-naħa l-oħra, hi politika perikoluża u maħmuġa mill-Prim Ministru Robert Abela li – biex jipprova jgħatti xtur il-Ministru tiegħu – reġa’ qala’ allegazzjonijiet ta’ snin ilu fil-konfront tad-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina.
Dwar il-ġlieda kontra l-Covid-19, Bernard Grech qal li l-Partit immexxi minnu ilu jinsisti li dawk li jaslu Malta jkunu vvaċċinati jew iċċertifikati negattivi ftit jiem qabel – xi ħaġa li issa l-Gvern ikkonferma li se jkun qed jagħmel.
U dwar il-possibbiltà li ma jsirux attivitajiet tal-massa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li min investa jħossu tradut mill-kliem sabiħ li għamel il-Prim Ministru s-sena li għaddiet, meta ta l-impressjoni tal-business as usual. Għaldaqstant, hu appella li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu minn dawk li jifhmu.
Dwar li l-użu tal-kannabis jitwessa’ aktar, hu qal li l-Partit immexxi minnu jrid jieħu deċiżjoni responsabbli dwar tema sensittiva bħal din għax jemmen li kulmin jabbuża mid-droga m’għandux jitwarrab, ladarba jemmen li kulħadd hu importanti u li l-bniedem għandu jibqa’ fiċ-ċentru tal-politika.
Mistoqsi dwar il-proposti li ppreżenta l-Partit Nazzjonalista għall-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Bernard Grech fakkar kif dan hu parti minn pjan ħolitistiku li l-Partit għandu fuq diversi setturi. Fuq kollox, spjega li dawn il-proposti partikolari saru biex il-ħabsi – anke jekk żbalja – ikollu d-dinjità li tixraqlu.
Dwar il-barranin li jaslu f’pajjiżna biex jaħdmu, hu qal li hu importanti li naraw li l-barranin li jiġu jkunu ta’ kwalità, filwaqt li ma jitħaddmux b’anqas pagi minn ħaddieħor. Hawn, hu tenna li Gvern ġdid Nazzjonalista jara li jkun eradikat il-prekarjat, fost il-barranin iżda anke fost il-Maltin.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li mhux aċċettabbli lanqas li wieħed jikteb kliem ta’ mibgħeda fuq il-media soċjali. Fl-istess waqt qal li, sfortunatament, is-soċjetà mhix tifhem f’liema livell waqgħet meta taċċetta dawn it-tip ta’ kummenti. Min-naħa l-oħra, anke l-politiċi għandhom jaraw x’lingwaġġ jużaw waqt li jkunu qed jiddiskutu.
//= $special ?>