Sport Waterpolo

Iż-żgħażagħ Maltin se jmorru l-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-15-il sena bħala rebbieħa tal-grupp

Rapport: Stewart Said

MALTA………… 10

FRANZA………. 10

(3-3), (4-3), (3-3), (0-1)

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-15-il sena se jmur għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew fil-Portugall bħala rebbieħ tal-grupp wara draw ta’ 10-10 kontra Franza. Wirja oħra konvinċenti għaż-żgħażagħ immexxija minn Anthony Farrugia li fihom reġa’ spikka l-kollettiv kontra avversarji aktar kwotati mis-Slovenja, li Malta lagħbet jumejn ilu.

Bidu tajjeb mit-tim Malti li kiseb il-vantaġġ tliet darbiet fl-ewwel sessjoni iżda l-Franċiżi wieġbu fit-tliet okkażjonijiet, bl-ewwel gowl jasal minn okkażjoni ta’ raġel aktar fl-ilma. Għal Malta skorja tripletta Jayden Cutajar, b’żewġ gowls minnhom jaslu minn penalties. Malta spiċċat fil-quċċata tal-grupp wara l-Ġimgħa għelbet lis-Slovenja 17-4 filwaqt li Franza rebħet is-Sibt kontra s-Sloveni 17-5 u għalhekk il-Maltin kellhom differenza ta’ gowls superjuri.

L-andament tal-logħba baqa’ l-istess fit-tieni sessjoni, bit-tim Malti jibqa’ fil-vantaġġ sakemm doppjetta ta’ Audoin de Reviers de Mauny poġġiet lit-tim Franċiż 6-5 minn fuq. Madankollu reazzjoni Maltija waslet biex b’gowl preċiż ta’ Zak Cutajar Licari u Elijah Schembri fl-aħħar żewġ minuti, poġġew lit-tim Malti 7-6 fil-vantaġġ.

Franza fetħet it-tielet sessjoni bl-aħjar mod hekk kif dawret l-iżvantaġġ għal vantaġġ ta’ 8-7 permezz ta’ Jakub Novacek u Arthur Monthorin. Lejn nofs is-sessjoni, Cutajar ġab id-draw minn penalty iżda minn man-up, Arthur Mercier-Chaplain ħalla lill-Franċiżi minn fuq. Iż-żgħażagħ Maltin baqgħu konċentrati u meritatament temmew is-sessjoni 10-9 minn fuq b’żewġ gowls maħduma tajba minn man-up ta’ Elijah Schembri Jayden Cutajar.

Fl-aħħar sessjoni, Franza ġabet id-draw minn de Reviers de Mauny u pruvat issib il-gowl tar-rebħa, iżda d-difiża Maltija kkontrollat tajjeb l-isforzi tal-avversarji u ftit tat opportunità lill-Franċiżi biex jaslu għax-xutt u jsibu l-gowl li seta’ wassalhom għar-rebħa.

Malta: D. Galea Mule, L. Dimech, J. Chircop, G. Bonavia, J. Cassar, D. Bugeja, Z. Cutajar Licari (1), J. Cutajar (7), E. Schembri (2), C. Cutajar, L. Montebello Brownrigg, E. Mallia, M. Brimmer

Franza: E. Carrera, M. Hakik, P. Bourdeix, A. Goncalves, A. Mercier-Chaplain (1), A. Monthorin (1), A. Mehdi, A. De Reviers de Mauny (5), A. Poulain (1), M. Aissi, N. Nikolic (1), J. Novacek (1), M. Guyon

Referees: Ivo Mares (Repubblika Ċeka), Mihnea Alexandrescu (Rumanija)