Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu qed jipprova jipperswadi lill-avversarji politiċi tiegħu biex ma jiffurmawx Gvern ġdid, f’dak li qed jidher bħala tentattiv iddisprat biex hu jibqa’ fil-poter.
Dan meta Yair Lapid, li jmexxi lill-Partit Yesh Atid taċ-ċentru, għandu sa nhar l-Erbgħa biex jifforma Gvern ġdid ta’ koalizzjoni u fost rapporti li hu jinsab qrib ħafna ta’ ftehim ma’ Naftali Bennett, li hu l-kap ta’ grupp ta’ kandidati ultranazzjonalisti fil-Parlament (Knesset) ta’ Iżrael.
Netanyahu, li hu l-aktar Prim Ministru Iżraeljan li qatt dam fil-poter, ma rnexxilux jikseb maġġoranza deċiżiva fl-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu f’Iżrael. Din kienet ir-raba’ elezzjoni ġenerali f’Iżrael għal dawn l-aħħar erba’ snin.
Sadanittant, l-osservaturi jaqblu li Lapid jista’ jinsab viċin ta’ ftehim għal Gvern ġdid ta’ koalizzjoni u li l-prospetti mhumiex jidhru sbieħ għal Netanyahu, li ilu jmexxi Iżrael għal 12-il sena u li bħalissa għaddej minn proċess tal-qorti għal frodi. Netanyahu, ġimgħat ilu, kien ingħata l-ewwel ċans biex jifforma Gvern iżda ma setax isib is-sieħba li kellu bżonn għal koalizzjoni.
Il-partit ta’ Lapid kien spiċċa t-tieni fl-aħħar elezzjoni wara l-Partit tal-Likud ta’ Benjamin Netanyahu.
//= $special ?>