Futbol Sport

L-Irlanda ta’ Fuq b’saħħithom wisq għat-tim nazzjonali Malti

(Ritratt: MFA)

MALTA ………………………..0

IRLANDA TA’ FUQ …….3

Malta : H.Bonello, F.Apap (S.Borg 70′) A.Agius, K.Shaw, J.Mbong (D.Xuereb 70′) B.Kristensen (J.P.Farrugia 81′), T.Teuma (D.Vella 61′), R.Camenzuli, A.Satariano (R.Muscat 81′), S.Dimech, L.Montebello (J.Degabriele 61′)

Irlanda ta’ Fuq : B.Peacock-Farrell, S.Dallas (C.Bradley 85′), P.McNair, C.Cathcart, C.Brown, J.Thompson (A.McCalmont 84′), N.McGinn (G.Savire 62′), A.McCann, G.Whyte, J.Jones, J.Magennis (D.Charles 62′)

It-tim nazzjonali Malti sofra telfa ta’ 3-0 kontra l-Irlanda ta’ Fuq, f’kamp ta’ taħriġ fl-Awstrija bi preparazzjoni għal-logħob ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja f’Settembru. Malta marret minn taħt wara biss żewġ minuti JORDAN JONES approfitta minn żball fid-difiża Maltija biex minn tarf il-kaxxa tefa’ ġewwa għal 1-0. Wara l-bidu negattiv tal-partita , il-Maltin bdew joqgħodu aktar fil-partita hekk kif bdew idawwru l-ballun aħjar. Għal darb’oħra l-Irlanda ta’ Fuq kienu viċin il-gowl meta minn żball tal-gowlkiper Henry Bonello, Gavin Whyte ma kkontrollax tajjeb, bil-ballun jispiċċa barra.

It-tim Malti mar viċin il-gowl fid-19-il minuta meta wara ġirja solita mal-linja lemina, Joseph Mbong qata’ ġewwa fuq ix-xellug, bix-xutt bid-dawra tiegħu jgħaddi ftit barra. Fil-21 minuta l-Irlanda ta’ Fuq ingħataw penalty wara li Kurt Shaw waqqa’ lil Gavin Whyte fil-kaxxa. Iżda mill-ħdax-il metru Henry Bonello salva tajjeb fuq il-konklużjoni ta’ Josh Magennis biex żamm l-iskor 1-0. Malta irreaġixxew tajjeb u setgħu faċilment ġabu l-gowl tad-draw, meta minn cross ta’ Joseph Mbong, Luke Montebello ra l-konklużjoni tiegħu taħbat man-naħa ta’ barra tax-xibka. Malta baqgħu jikkontrollaw il-partita sa tmiem l-ewwel taqsima, bl-iskor jibqa’ kif kien.

Henry Bonello salva penalty fuq Josh Maginnis (Ritratt: MFA)

Madankollu fit-tieni taqsima, l-Irlanda ta’ Fuq ħarġu jfittxu l-gowl u proprju fit-53 minuta huma rdoppjaw, meta minn pass ta’ Stuart Dallas, GAVIN WHYTE għeleb lil Bonello għal 2-0. Żewġ minuti wara l-Irldanda skorjaw it-tielet gowl minn pass ta’ Paddy McNair, ALI McCann mill-viċin ma żbaljax għal 3-0. Wara dan il-gowl iż-żewġ timijiet ftit li xejn kienu perikolużi lejn il-lasti avversarji bil-partita tintlagħab l-aktar f’nofs il-ground.