EURO 2020 Sport

Min huma l-kowċis tat-timijiet li se jieħdu sehem fil-Euro 2020?

Fl-Euro 2020 se nkunu qed naraw numru ta’ kowċis li se jkunu qed jagħmlu d-debutt tagħhom f’din il-kompetizzjoni kif ukoll oħrajn li diġa mexxew xi nazzjon f’dan it-tournament.

Franco Foda (Awstrija) – Foda li għandu 55 sena u li huwa Ġermaniż, ilu kowċ tal-Awstrija sa mill-2018 u b’hekk din se tkun l-ewwel kompetizzjoni internazzjonali tiegħu fejn fiha se jkun qed imexxi lit-tim Awstrijak.
Roberto Martinez (Belġju) – Martinez li għandu 47 sena ilu kowċ tal-Belġju sa mill-2016 fejn fil-passat mexxa numru ta’ clubs fil-Premier League fosthom Everton u Swansea. Fit-Tazza tad-Dinja tal-2018, Martinez kien wassal lill-Belġju sat-tielet post.
Zlatko Dalic (Kroazja) – Dalic li għandu 54 sena ilu fit-tmexxija tat-tim Kroat sa mill-2017. Fil-passat Dalic kien ukoll player fejn matul il-karriera tiegħu fost il-clubs li lagħab magħhom kienu Hajtuk Split u Varteks li quddiem kien ukoll kowċ tagħhom.
Jaroslav šilhavý (Repubblika Ċeka) – šilhavý li għandu 59 sena ilu fit-tmexxija tar-Repubblika Ċeka sa mill-2018, fejn fil-passat bejn l-2001 u l-2009 kien ukoll assistent coach tat-tim nazzjonali. jaroslav šilhavý kien ukoll coach ta’ numru ta’ timijiet fir-Repubblika Ċeka.
Kasper Hjulmand (Danimarka) – Hjulmand ilu mis-sena li għaddiet kowċ tad-Danimarka. Il-kowċ ta’ 49 sena fil-passat mexxa bosta timijiet kemm fid-Danimarka kif ukoll fil-Ġermanja. Hjulmand ħa post il-coach Age Hareide li kien ilu jmexxi lit-tim Daniż sa mill-2016
Gareth Southgate (Ingilterra) – Gareth Southgate li għandu 50 sena ilu fit-tmexxija tat-tim Ingliż sa mill-2016 fejn qabel kien kowċ tat-tim tal-21 sena tal-Ingilterra wkoll. Southgate bħala player lagħab ukoll 57 għal pajjiżu.
Markku Kanerva (Fillandja) – Kanerva li għandu 57 sena ilu nvolut mat-tim nazzjonali tal-Fillandja sa mill-2004 hekk kif kien kowċ tat-tim ta’ taħt il-21 sena sal-2010, fl-2011 nħatar assistent kowċ tat-tim nazzjonali A biex fl-2016 nħatar kowċ.
Didier Deschamps (Franza) – Deschamps li għandu 59 sena ilu kowċ ta’ Franza sa mill-2012, fejn probabilment dan se jkun l-aħħar tournament għalih. Fil-passat Deschamps mexxa wkoll lil Monaco u Juventus fost l-oħrajn. Fl-2018 kien wassal lil Franza għar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja.
Joachim Low (Ġermanja) – Low li għandu 61 sena ilu fit-tmexxija tal-Ġermanja mill-2006, fejn qabel kien ukoll assistent kowċ. Dan se jkun l-aħħar tournament għal Low hekk kif ħabbar li wara l-Euro 2020 se jkun qed jirriżenja. Mal-Ġermnja, Low kien rebaħ it-Tazza tad-Dinja fl-2014.
Marco Rossi (Ungerija) – Rossi li għandu 56 u huwa Taljan ilu jmexxi lill-Ungerija sa mill-2018. Fil-passat mexxa wkoll diversi timijiet anke fl-Italja fosthom Spezia u Scafatese.
Roberto Mancini (Italja) – Mancini li għandu 56 sena ilu fit-tmexxija tal-Italja sa mill-2018. Fil-passat Mancini mexxa bosta klabbs madwar l-Ewropa fosthom Inter, Manchester City u Lazio.
Frank de Boer (Olanda) – de Boer li għandu 51 sena ilu fit-tmexxija tat-tim nazzjonali Olandiż sa mis-sena li għaddiet wara li ħa post Ronald Koeman. Fil-passat, de Boer kien ukoll koeċ ta’ Inter, Ajax u Crystal Palace u bejn l-2008 u l-2010 kien ukoll assistent kowċ tal-Olanda.
Igor Angelovski (Maċedonja)– Angelovski li għandu 44 sena huwa wieħed mill-iżgħar kowċis f’din l-edizzjoni tal-Euro 2020 iżda fost l-aktar ta’ esperjenza hekk kif ilu kowċ tal-Maċedonja sa mill-2015.
Paulo Sousa (Polonja) – Sousa li għandu 50 sena ilu kowċ tal-Polonja sa minn Jannar li għadda fejn ħa post Jerzy Brzeczek. Il-kowċ Portugiż mexxa bosta klabbs minn madwar l-Ewropa fosthom, Bordeaux, Fiorentina u Leicester City.
Fernando Santos (Portugall) – Santos ilu fit-tmexxija tal-Portugall sa mill-2014. Hu l-unika kowċ f’din il-kompetizzjoni li rebaħ dan l-unur bħala kowċ u b’hekk se jkun qed jittama li jiddefendi t-titlu li kiseb mal-Portugall stess fl-2016.
Stanislac Cherchesov (Russja) – Cherchesov li għandu 57 sena ilu jmexxi lir-Russja sa mill-2016 fejn fil-passat kien ukoll player fejn lagħab 39 darba għall-pajjiżu. Cherchesov mexxa wkoll numru ta’ timijiet fir-Russja u fil-Polonja fosthom Dyanmo Moscow u Legia Warsaw
Steve Clarke (Skozja) – Clarke li għandu 57 sena ilu jmexxi lill-Skozja sa mill-2019. Fil-passat kien assistent ta’ bosta kowċis ma’ Chelsea u ma’ Liverpool qabel ma sar kowċ ta’ West Brom, Reading u Aston Villa
Stefan Tarkovic (Slovakkja) – Tarkovic li għandu 48 sena ħa f’idejh lit-tim Slovakk fl-2018 fejn wara li għamel perjodu ta’ ħames snin bħala assistent kowċ, ħa l-irwol ta’ kowċ.
Luis Enrique (Spanja) – Enrique li ilu kowċ ta’ Spanja sa mill-2018 għandu 51 sena. Fil-passat Enrique mexx lil bosta klabbs fosthom lil Barcelona, Celta Vigo u Roma.
Janne Andersson (Żvezja) – Anderrson li għandu 58 sena huwa wieħed mill-akbar kowċis f’din il-kompetizzjoni. Hu beda jmexxi lill-Iżvezja fl-2016 fejn fil-passat mexxa numru ta’ timijiet fl-Iżvezja stess qabel ma sar kowċ tat-tim nazzjonali.
Vladimir Petkovic (Żvizzera) – Petkovic li għandu 57 sena ilu kowċ tal-Iżvizzera sa mill-2014 fejn din se tkun it-tieni edizzjoni li se jkun qed imexxi lil dan it-tim. Petkovic fil-passat kien ukoll kowċ ta’ Lazio fost l-oħrajn.
Senol Gunes (Turkija) – Gunes se jkun l-akbar kowċ f’din il-kompetizzjoni. Hu ilu kowċ tat-Turkija sa mill-2019. Fil-passat, Gunes mexxa għadd ta’ timijiet fit-Turkija fosthom lil Besiktas u Trabzonspor. Din hija t-tieni esperjenza fit-tmexxija tat-Turkija hekk kif kien ukoll kowċ bejn s-sena 2000 u l-2004
Andriy Shevchenko (Ukranja) – Shevchenko li għandu 44 sena ilu fit-tmexxija tal-Ukranja sa mill-2016 fejn ħa f’idejh it-tmexxija tat-tim mingħand Mykhalo Fomenko. Shevchenko jibqa’ l-aktar imfakkar għal karriera mill-aqwa li kellu bħala player fejn fost l-oħrajn lagħab ma’ Milan u Chelsea.
Robert Page (Wales) – Page li għandu 46 sena se jkun il-kowċ ta’ Wales għal din l-Euro 2020 hekk kif hu jinsab kowċ caretaker wara li l-kowċ Ryan Giggs qed jaffaċċja akkużi serji fil-Qorti. Page sar kowċ ta’ Wales fl-2020 u fil-passat kien ukoll kowċ tat-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Wales.