Sport Waterpolo

Minkejja li diġà kkwalifikajna, ridt li xorta nagħtu l-100% għal kontra Franza – Anthony Farrugia, kowċ nazzjonali U15

(Ritratt: Martin Agius)

Għalkemm it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-15-il sena kien diġà kkwalifika għall-Kampjonat Ewropew, il-logħba kontra Franza xorta kienet importanti għal Anthony Farrugia. Il-kowċ nazzjonali wassal il-messaġġ liż-żgħażagħ Maltin biex mentalment jibqgħu ffukati u jagħtu l-100% għaliex fil-fażi finali se jsibu timijiet b’saħħithom. Farrugia ried li jilagħbu l-aħjar tagħhom biex fil-ġimgħat li ġejjin ikun jista’ jara x’saħħa ta’ taħriġ jista’ jagħmel.

“Tħarrġu dawn it-tfal bis-saħħa tal-assoċjazzjoni. Għamilna tmien ġimgħat intensivi, biss ma kellniex match practice. Il-kampjonat tagħhom ilu wieqaf minn Settembru għax kif erġajna bdejna fi Frar, reġa’ waqaf kollox wara ġimagħtejn. Is-16-il gowl f’żewġ logħbiet ta’ Jayden Cutajar spikkaw, iżda l-kollettiv spikka, b’Farrugia jfaħħar il-mod kif it-tim iddefenda b’mod kompatt filwaqt li sab iċ-ċans li jiskorja 27 gowl f’żewġ logħbiet.

“Tant ħadmu dawn it-tfal u għidtilhom illum irridu nġibu xi ħaġa minnha din il-logħba. Ma’ Franza qatt ma ġejna draw, irnexxielna nirbħu l-grupp ukoll u din hi l-ewwel darba li kkwalifikajna bl-Under 15, jiġifieri storja fuq storja,” żied Farrugia.