Ftuħ gradwali mill-14 ta’ Ġunju għall-attivitajiet ta’ divertiment, fosthom li dawn l-avvenimenti jkunu miftuħin biss għall-persuni vvaċinati bis-sħiħ – grazzi għaċ-ċertifikat ta’ vaċċinazzjoni.
Dawn huma wħud mill-proposti tal-kampanja Restart, żvelati mill-gazzetta Illum, li hi magħmula fost l-oħrajn minn operaturi tal-istabbilimenti tad-divertiment u DJs, li ġew ippreżentati lill-awtoritajiet tas-saħħa, hekk kif issa pajjiżna qed jara tnaqqis sostanzjali fl-ammont ta’ każi ġodda u laħaq l-immunità tal-massa.
Din il-kampanja qed tipproponi li mill-14 ta’ Ġunju jinfetħu l-attivitajiet, bl-istabbilimenti jilqgħu fi ħdanhom sa 25% tal-kapaċità li l-post jesa f’nies – bl-ammont ikun ikkalkulat fuq kull metru kwadru u bil-massimu jibqa’ ta’ 300 persuna.
Dan filwaqt li matul Lulju, il-limita jiżdied għal 50% u massimu ta’ 800 persuna, ix-xahar ta’ wara jiżdied għal 75% bil-limitu jlaħħaq l-1,100, filwaqt li f’Settembru jkun hemm ftuħ totali, ladarba l-popolazzjoni tkun imlaqqma bis-sħiħ … bix-xhur ta’ wara jkun hemm assessjar kontinwu tas-sitwazzjoni.
L-operaturi qed jipproponu li fid-daħla tal-attivitajiet ikun hemm uffiċjali awtorizzati li jikkonfermaw il-validità taċ-ċertifikat ta’ vaċċinazzjoni u li lesti jħallsuhom minn buthom biex kollox ikun segwit b’reqqa u bl-attenzjoni meħtieġa.
Il-kampanja Restart qed tipproponi wkoll li għal dan is-Sajf biss, kemm jista’ jkun, jiġu lejn il-Gżejjer Maltin turisti mlaqqmin b’mod sħiħ biss għajr l-ulied li ma jkunux ħadu l-vaċċin minħabba l-età.
Dan bl-għan li filwaqt li tiġi ssalvagwardata saħħet il-Maltin u l-Għawdxin, pajjiżna jkun destinazzjoni li joffri lit-turist is-serħan il-moħħ li jixraqlu.