Fl-aħħar 24 siegħa f’pajjiżna kienu rreġistrati żewġ każi pożittivi ġodda ta’ Covid-19, filwaqt li erba’ persuni oħrajn huma meqjusin bħala mfejqa mill-virus.
Skont l-istatistika ppubblikata mill-Ministeru tas-Saħħa fuq Facebook, fl-aħħar sigħat ma kienet irreġistrata l-ebda vittma oħra, bl-ammont ta’ mwiet b’hekk jibqa’ 419. Il-każi attivi s’issa huma 66.
It-total ta’ każi mill-bidu tal-pandemija issa tela’ għal 30,535. Sal-Ħadd, aktar minn 208,000 persuna tlaqqmu b’mod sħiħ kontra l-Covid-19 f’pajjiżna.
Mill-1 ta’ Ġunju, dawk kollha li jiġu f’pajjiżna se jkunu qed jintalbu jipprovdu r-riżultat ta’ test tal-Covid-19 qabel ma jaqbdu l-ajruplan jew il-vapur lejn Malta. Dan irid ikun negattiv QABEL jaslu pajjiżna.
Pajjiżi oħra bħal Malta, fosthom Ċipru, ilhom mill-bidu ta’ dan ix-xahar jużaw din is-sistema. Ċipru fil-fatt bdiet tilqa’ turisti minn 65 pajjiż, bit-turisti jridu jew jippreżentaw ċertifikat tal-vaċċin li juri li huma mlaqqma kompletament, jew inkella jipprovdu test negattiv għall-Covid-19 li jkun sar 72 siegħa qabel il-wasla. Jekk turist jippreżenta ċ-ċertifikat tal-vaċċin, mhux qed jintalab jagħmel test.
//= $special ?>