Minn hawn u ftit sigħat oħra se tinżamm laqgħa importanti tal-Kumitat Ezekuttiv tal-Malta Football Association.Matul din il-laqgħa, l-amministrazzjoni u r-rappreżentatnti tal-klabbs u l-assoċjazzjonijiet membri se jiddiskutu l-aħħar dettalji dwar ir-riforma ta’ governanza li se twassal biex f’dan is-sajf l-MFA ikollha statut ġdid li ġie formulat wara konsultazzjoni interna u anki pubblika.
Sorsi infurmati stqarrew ma’ Replay (Net Television) li l-prinċipji l-ġodda stabbiliti għandhom l-appoġġ tal-FIFA u tal-UEFA. Fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-lum hemm ukoll l-introduzzjoni ta’ Kodiċi ta’ Etika għall-uffiċjali, il-ħaddiema u l-membri tal-MFA. L-istess sorsi stqarrew ma’ Replay (Net Television) li b’din il-ħidma u d-dokument strateġiku tagħha, l-MFA qed tkun proattiva fil-prinċipji ta’ governanza, integrita’ u trasparenza f’dak kollu li tagħmel.