Internazzjonali

Franza: Jinqabad eks-suldat perikoluż wara sigħat ta’ tensjoni

Eks suldat armat li kien qed jiżgiċċa lill-pulizija spiċċa ferut u arrestat wara konfront ‘finali’ mal-qawwiet għaż-żamma tal-liġi u wara tfittxija għalih li damet għal aktar minn 24 siegħa. L-armat – identifikat bħala Terry Dupin ta’ 29 sena – kien ħarab għal ġo foresta wara li, fi tmiem il-ġimgħa, kien fetaħ in-nar fuq membri tal-pulizija.

Intant, fl-aħħar sigħat, il-pulizija wissew lir-residenti ta’ Le Lardin-Saint-Lazare (f’ Dordogne) biex ma joħorġux mid-dar minħabba li huma kienu qed iqisu lill-eks suldat bħala ‘ferm perikoluż.’ It-tensjoni ma battietx sakemm Dupin spiċċa ferut fi sparatura oħra mal-qawwiet speċjali tal-pulizija u fejn hu inżamm taħt arrest biex jgħin fl-investigazzjonijiet.

Il-Ministru tal-Intern, Gerald Darmanin, wara kkonferma li l-periklu kien għadda waqt li rringrazzja lill-pulizija għall-azzjoni deċiżiva tagħhom.

It-tfittxija għal Dupin bdiet is-Sibt wara li l-eks suldat (armat b’azzarin u sikkina) kien involut f’tilwima man-nies fid-dar tal-eks sieħba tiegħu f’Le Lardin-Saint-Lazare. Ħadu sehem fit-tfittxija għalih ‘il fuq minn 300 pulizija li anki użaw il-vetturi armati u ħelikopter huma u jduru qalb zona kbira ta’ foresta.