Internazzjonali

Id-Danimarka akkużata b’li għenet lill-Istati Uniti biex tispjuna fuq l-uffiċjali tal-Ewropa

L-istampa fid-Danimarka qalet li s-servizzi sigrieti ta’ pajjiżha għenu lill-Istati Uniti biex tispjuna fuq politiċi ewlenin fl-Ewropa, fosthom il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel. Ingħad ukoll li din l-attività damet għaddejja mill-2012 sal-2014 u li s-servizzi ġabru informazzjoni dwar uffiċjali oħrajn mill-Ġermanja kif ukoll minn Franza, l-Iżvezja u n-Norveġja.

Ix-xandar Daniż DR sostna li s-servizzi sigrieti FE tad-Danimarka ikkollaboraw man-National Security Agency (NSA) tal-Istati Uniti biex jiġġeneraw ‘data relevanti’ dwar dawn il-politiċi.

Intant, ir-rapport qed iqajjem tħassib fid-diversi bnadi tal-Ewropa u wara li kienu ħarġu allegazzjonijiet simili fl-2013.

Dak iż-żmien, is-sigrieti żvelati mill-famuż whistleblower Amerikan Edward Snowden irreferew għal allegat tapping (proċedura biex wieħed jissemma fuq id-diskursati)  tat-telefon ta’ Merkel mill-aġenti tal-NSA.

Meta saru dawn l-allegazzjoniijet, ħadd minn fost l-uffiċjali tal-White House ma kienu ċaħdu għalihom b’mod uffiċjali. Iżda s-sorsi f’Washington qalu li t-telefon ta’ Merkel ma kienx suġġett għall-proċedura tat-tapping ‘u lanqas ma kien se jispiċċa mira għal dan l-aġir fil-futur’.

Dan meta l-Ġermanja hi fost l-akbar alleati tal-Istati Uniti.

Fl-aħħar sigħat, il-President tal-Ġermanja, Frank-Walter Steinmeier u kelliem għall-Kanċillier Merkel qalu li ma kenux konxji mill-involviment tad-Danimarka qabel ir-rapport speċifiku tan-network DR  — bl-istess rapport ikun anki ċirkolat fost il-mezzi l-oħra tal-media Ewropea.

Jingħad li n-NSA evalwat numru ta’ text messages u diskursati bit-telefon li kienu jinvolvi lil diversi individwi prominenti. Dan sar possibbli mit-tapping tal-cables tal-internet fid-Danimarka u bil-kooperazzjoni tas-servizzi tal-FE.

L-allegat spjunaġġ  — bil-codename ‘Operation Dunhammer’ – ippermetta biex l-NSA tikseb id-data bl-użu tan-numri telefoniċi tal-politiċi Ewropej u fejn l-istess numri ntużaw bħala search parameters.

Il-ġurnalisti ma’ DR intervistaw disa’sorsi li jingħad li kollha kellhom aċċess għal informazzjoni klassifikata f’idejn l-FE.

Minbarra Angela Merkel, l-eks Ministru għall-Affarijiet Barranin Ġermaniż Frank-Walter Steinmeier u l-Kap tal-Oppożizzjoni Ġermaniża ta’ dak iż-żmien, Peer Steinbruck, ukoll spiċċaw mira għall-allegat spjunaġġ.

Meta kien intervistat fl-aħħar sigħat, Steinbruck qal, bla tlaqliq, li hu jikkunsidra dan il-każ bħala ‘skandlu minn aspett politiku’.

Il-Ministru tad-Difiża tad-Danimarka, Trine Bramsen, qalet, sadanittant, li l-wiretapping sistematiku tal-Istati alleati ta’ pajjiżha mhux aġir aċċettabbli.

Dan meta la l-FE u lanqas l-NSA ma kummentaw dwar l-aħħar rapporti.

Madankollu, tkellem Edward Snowden dwar il-każ u fejn akkuża lill-President tal-Istati Uniti Joe Biden b’li kien ‘involut sew fl-ewwel żmenijiet tal-iskandlu, snin ilu’.Biden kien il-Viċi-President Amerikan fiż-żmien meta seħħet is-sorveljanza rappurtata.

Fl-istess ħin, Edward Snowden qal li għandha jkun hemm ‘ħtieġa espliċita’ għal rapport sħiħ u dettaljat lill-pubbliku, mhux biss mid-Danimarka iżda anki min-naħa tal-Istati Uniti.

Ikkummenta