Ewropa Lokali

Il-maġġoranza tar-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO għadhom ma twettqux mill-Gvern b’mod sħiħ

Robert Abela jingħata ċans ta' sena mill-GRECO

Fejn tidħol il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-governanza tajba, Robert Abela fadallu ħafna aktar x’jagħmel. Tant hu hekk, illi r-rapport tal-GRECO maħruġ illum jikkonferma li l-maġġoranza tar-rakkomandazzjonijiet li kienu saru lill-Gvern Laburista baqgħu ma daħlux fis-seħħ b’mod sħiħ.

Dan ir-rapport, li ġie ppubblikat dalgħodu, huwa daqqa oħra għal Kastilja. Dan għaliex jindika b’mod ċar li l-Gvern ta’ Abela waqa’ lura fejn tidħol il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-aġir etiku tal-membri Parlamentari, u kwistjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess.

Il-GRECO hija istituzzjoni li taqa’ taħt il-Kunsill tal-Ewropa u li tiġbor fiha Stati li jaħdmu Kontra l-Korruzzjoni (Group of States Against Corruption).

Ir-rapport jindika b’mod ċar illi 5 mid-9 rakkomandazzjonijiet tal-GRECO ma ġewx implimentati b’mod sħiħ, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-Kodiċi ta’ Etika tal-Membri Parlamentari – tema li minn żmien għal żmien qed toħloq dibattiti kontroversjali. L-istess rapport jitfa’ dawl fuq il-fatt li hemm bżonn investiment u aktar taħriġ għall-ġudikatura.

Intant, minħabba n-nuqqas tal-Gvern li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO, il-Prim Ministru Robert Abela ingħata sena ċans biex jirranġa dawn is-sitwazzjonijiet.

Ikkummenta