EURO 2020 Futbol Sport

It-Torok jiddiżżapuntaw b’dro ta’ mingħajr gowls kontra l-Guinea

Azzjoni mill-partita bejn Turkija u Guinea

Inqas minn ġimgħatejn biss ‘il bogħod mill-ewwel impenn tagħhom fil-Eurp 2020, it-Turkija naqqsu milli jimpressjonaw f’partita ta’ ħbiberija kontra l-Guinea. Il-logħba ntemmet fi dro ta’ mingħajr gowls.

F’Antalya, f’din il-partita, wieħed kien qed jistenna aktar mit-Turkija, hekk kif lagħbu f’dahrom u kontra pajjiż Afrikan li jinsab fit-72 post fir-rankings tal-FIFA, bit-Torok fil-preżent jinsabu mal-aqwa 30 pajjiż fid-dinja tal-futbol.

Fis-sigħat li ġejjin, il-kowċ nazzjonali tat-Turkija, Senol Gunes se jkun qed iħabbar is-selezzjoni finali tiegħu ta’ 26 plejer għall-Euro 2020, u b’hekk irid inaqqas erba’ plejers mill-iskwadra li kellu s’issa, fl-ewwel parti mit-training camp ta’ dan it-tim, f’Antalya. Minn nhar l-Erbgħa li ġej, it-Turkija se tkun qed tkompli t-taħriġ tagħha qabel il-bidu ta’ din il-kompetizzjoni, fil-Ġermanja. L-għada, il-Ħamis, 3 ta’ Ġunju, l-iskwadra ta’ Gunes se tkun qed tilgħab l-aħħar konfront ta’ ħbiberija qabel l-ewwel partita tal-Eurp 2020, kontra l-Italja, valida minn Grupp A.

Fil-partita li jmisshom, it-Turkija se tkun qed taffronta lill-Moldova f’Paderborn’s Benteler Arena, wara li nhar il-Ġimgħa li għadda, f’Bahcesehir Okullari Arena, f’Antalya, huma għelbu lil Ażerbajġan 2-1, fl-ewwel logħba minn tliet partiti ta’ ħbiberija li t-Torok se jkunu lagħbu qabel il-bidu tal-Kampjonati Ewropej.