Tliet t’ijiem biss wara li għelbu lil Ażerbajġan fl-ewwel minn tliet partiti ta’ ħbiberija qabel il-bidu tal-Euro 2020, illejla t-Turkija tilgħab it-tieni partita tagħha bi preparazzjoni għal dan it-turnament Ewropew kontra t-tim Afrikan tal-Guinea. Il-logħba se tkun qed tintlagħab fl-iStadium ta’ Antalya, u tibda fis-7pm. Din se tkun l-ewwel darba li dawn iż-żewġ pajjiżi se jkunu qed jaffrontaw lil xulxin f’partita internazzjonali.
It-Torok ġejjin minn rebħa ta’ 2-1 kontra l-Ażerbajġan, f’konfront fejn il-plejers taħt it-tmexxija tal-kowċ Senol Güneş marru minn taħt wara 28 minuta logħob, iżda qabel tmiem l-ewwel taqsima, l-iskwadra li hi magħrufa ukoll bħala dik tal-istilel tan-nofs qamar, dawret l-iskor favur tagħha u eventwalment rebħet il-partita b’żewġ gowls skorjati mill-attakkant żagħżugħ, Halil Dervişoğlu u d-difensur ta’ Sassuolo fl-Italja, Kaan Ayhan.
Din se tkun partita numru 75 għat-Torok taħt it-tmexxija teknika ta’ Güneş. Il-kowċ veteran kien mexxa lil dan it-tim nazzjonali sas-semi-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-2002, u għandu rekord ta’ 36 rebħa, 21 dro u 17-il telfa, bħala kowċ tat-Turkija. Güneş għad irid iħabbar l-iskwadra finali ta’ 26 plejer għall-Euro 2020.
It-training camp tat-Turkija qabel il-Euro 2020 hu maqsum fit-tnejn, bl-ewwel parti qed isir f’Antalya u t-tieni parti se jkun qed jinżamm fil-Ġermanja u jibda minn nhar l-Erbgħa li ġej, wara li Güneş isejjaħ l-iskwadra finali għal din il-kompetizzjoni. Wara l-partita tal-lejla kontra l-Guinea, it-Torok se jkunu qed jilgħabu l-aħħar logħba tagħhom qabel l-ewwel partita tal-Euro 2020, kontra l-Moldova, nhar il-Ħamis li ġej.
It-Turkija se tkun qed tilgħab fil-partita inawgurali tal-Euro 2020, nhar il-Ġimgħa, 11 ta’ Ġunju, kontra l-Italja.
//= $special ?>