Internazzjonali

Iżrael: Iwissi li koalizzjoni ġdida twassal għal ‘theddida lis-sigurtà’

epa05552159 Prime Minister of Israel Benjamin Netanyahu speaks during the General Debate of the 71st Session of the United Nations General Assembly at UN headquarters in New York, New York, USA, 22 September 2016. EPA/JUSTIN LANE

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, wissa li Gvern ġdid għall-għaqda li qed ikun propost u li jkun ifisser tmiem għat-tmexxija tiegħu kapaċi jirriżulta ‘f’periklu għas-sigurtà tal-Iżraeljani’.

Netanyahu, li hu l-aktar Prim Ministru Iżraeljan li qatt dam fil-kariga, fl-aħħar sigħat ħeġġeġ lill-politiċi sħabu tal-lemin biex ma jappoġġjawx il-ftehim għal koalizzjoni ġdida. Dan wara li Naftali Bennett, politiku ultra-nazzjonalista, ikkonferma li għandu jifforma koalizzjoni ma’ partit taċ-ċentru — bl-avversarji politiċi ta’ Netanyahu għandhom sa għada biex jiffurmaw Gvern ġdid.

F’każ li l-pjan jirnexxi, Netanyahu jispiċċa mwarrab mill-poter fi proċess awtomatiku u meta hu, fil-preżent, qiegħed jiffaċċja akkużi serji dwar korruzzjoni. Mhux eskluż li l-Prim Ministru Iżraeljan jeħel sentenza ta’ priġunerija jekk, ‘il quddiem, jinstab ħati mill-akkużi miġjuba quddiemu.

Is-sitwazzjoni politika f’Iżrael ikkumplikat ruħha wara li Netanyahu ma kisibx maġġoranza deċiżiva fl-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu u li kienet ir-raba’ elezzjoni inkonklussiva f’sentejn għall-Iżraeljani. Iżda għalkemm Netanyahu falla milli jsib l-alleati għal koalizzjoni, hemm kull ċans li l-avversarji tiegħu jiffurmaw biss gvern ta’ minoranza, bl-appoġġ ta’ membri Għarab tal-Knesset (Parlament).

Ikkummenta