Lokali Parlament

L-aċċess għall-informazzjoni hu fundamentali fl-UE; jeħtieġ investiment qawwi fir-riċerka

Kevin Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar qal li l-aċċess għall-informazzjoni hu fundamentali fl-UE u appella biex Malta tinvesti iktar fir-riċerka u l-innovazzjoni.

Fid-dibattitu parlamentari dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Użu mill-Ġdid tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku, Kevin Cutajar llejla tkellem fuq l-importanza li l-bniedem jingħata iktar aċċess għall-informazzjoni għaliex din issaħħaħ il-pożizzjoni tal-bniedem fis-soċjetà. Dan hu li trid l-UE u dak li jrid u jemmen fih il-PN, sostna d-deputat Nazzjonalista, li saħaq fuq l-importanza tar-riċerka fl-UE.

Kevin Cutajar qal li d-diġitilizzazzjoni hi wieħed mil-pilastri tal-UE u toffri aċċess permez ta’ pjattaformi elettroniċi u tekniċi għaċ-ċittadini Ewropej għal iktar informazzjoni.

Iktar informazzjoni ġġib iktar effiċjenza u soċjetà iktar informata, sostna Kevin Cutajar li kompla li iktar informazzjoni ġġib ukoll iktar kompetizzjoni ġusta.

Hu sostna li l-informazzjoni jista’ jkollha diversi problemi għaliex hemm il-periklu li jinkisru d-drittijiet tal-bniedem fil-protezzjoni tal-informazzjoni sensittiva.

L-informazzjoni għandha tkun ukoll impoġġija għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Hemm ukoll l-importanza tal-protezzjoni tal-drittijiet tal-awtur u tar-riċerka.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li għandu jkun assigurat li ma jinkisrux dawn id-drittijiet biex il-pubbliku jingħata aċċess għall-informazzjoni. Hu sostna li lllum madwar id-dinja hawn aċċess immedjat għall-informazzjoni iżda anki dan joħloq diffikultajiet. Dan jista’ jwassal biex mhu kulħadd ikollu l-aċċess għall-informazzjoni, anki minħabba realtajiet soċjali.

Il-persuni b’diżabbiltà huma fost l-aktar li bbenefikaw mit-tixrid tal-informazzjoni iżda jekk l-informazzjoni ma timxix flimkien mal-iżviluppi, jinħolqu problemi kbar għal dawn il-persuni.