EURO 2020 Futbol Sport

L-aqwa 10 goalkeepers li se jilagħbu fil-Euro 2020

Wara li aktar kmieni din il-ġimgħa tagħjna ħarsa lejn il-coaches u l-aħjar attakkanti fil-Euro 2020, issa jmiss il-goalkeepers, li kapaċi jkunu deċiżivi daqs l-attakkanti f’partiti ta’ livelli internazzjonali għoli bħal tal-Euro 2020.

1.Manuel Neuer (Ġermanja)

Bla dubju, Manuel Neuer huwa wieħed mal-aqwa goalkeepers ta’ kull żmien fejn lagħab kważi 100 darba mat-tim nazzjonali Ġermaniż. L-irwol tiegħu fit-Tazza tad-Dinja tal-2014 bħala l-‘isweeper keeper’ kien kruċjali biex għen lil Ġermanja jsiru champions mondjali. Hekk kif għadu ġej minn suċċess ieħor ma’ Bayern Munich, l-esperjenza ta’ Neuer kapaċi tkun fattur ewlieni għas-suċċess tal-Ġermanja fl-Euro 2020.

2. Gianluigi Donnarumma (Italja)

Donnarumma li għandu 22 sena, iddebutta mat-tim nazzjonali fl-2016 fl-eta’ ta’ 18-il sena, fejn minn dakinhar lagħab 25 darba għall-Italja. Minkejja il-kontroversja dwar il-futur tiegħu fuq livell ta’ club, prestazzjonijiet tajbin għall-Italja waqt il-Euro 2020 kapaċi jqanqlu interess fih mill-aqwa clubs Ewropej.

3. Thibaut Courtois (Belġju)

Fl-eta’ ta’ 29 sena, Courtois jinsab fl-aqwa tal-karriera tiegħu, fejn hu magħruf l-aktar għall-istatura imposta tiegħu fil-ground kif ukoll għar-riflessi eċċezzjonali tiegħu. Dan l-istaġun Courtois lagħab kull partita fil-La Liga ma’ Real Madrid, iżda wara d-diżappunt fil-La Liga hu se jkun qed iħares li jikseb suċċess mal-Belġju f’dik li ħafna jqisu bħal ‘l-golden generation’ tat-tim nazzjonali Belġjan.

4. Kasper Schmeichel (Danimarka)

Wara li rebaħ il-Premier League ma’ Leicester fl-2016, dan l-istaġun Schmeichel żied ukoll l-FA Cup wara staġun mill-aqwa għall-goalkeeper ta’ 34 sena. Mad-Danimarka Schmeichel lagħab 63 darba, fejn fi grupp kontra il-Fillandja, il-Belġju u r-Russja, id-Daniżi se jkun kunfidenti li se jkollhom goalkeeper li jistgħu javdaw, jiddefendi l-lasti tagħhom.

5. Wojciech Szczesny (Polonja)

Wara diversi snin ma’ Arsenal fl-Ingilterra Wojciech Szczesny ingħaqad ma’ Juvetnus fl-Italja fejn kiseb diversi suċċessi mat-tim Taljan. Minkejja li dan l-istaġun il-goalkeeper ta’ 31 sena kellu staġuni b’aktar żbalji minn staġuni preċedenti, il-kowċ Pollakk Paulo Sousa mistenni jżomm lil Szczesny bħala n-numru 1 tat-tim. Mat-tim nazzjonali l-eks Arsenal lagħab 52 darba .

6. David de Gea (Spanja)

Minkejja li dan l-istaġun de Gea ma kienx regolari ma’ Man Utd, il-coach Spanjol Luis Enrique mistenni jilgħab lilu mal-ewwel ħdax, hekk kif hu diġa lagħab 45 darba mat-tim nazzjonali Spanjol. Wara d-disfatta tal-finali tal-Europa League, fejn falla l-penalty deċisiv, de Gea se jħares li juża l-esperjenza tiegħu sabiex jgħin lit-tim żagħżugħ Spanjol fil-Euro 2020.

7. Hugo Lloris (Franza)

Il-goalkeeper ta’ 34 sena hu l-aħħar persuna li għolla t-Tazza tad-Dinja fl-2018 wara edizzjoni mill-aqwa fir-Russja. Minkejja dan, ma’ Tottenham Hugo Lloris kellu staġun diżappunanti fejn kienu eliminati mill-Europa League u rnexxielhom jidħlu biss fil-Europa Conference League. Għal Deschamps, Lloris huwa wieħed mill-ewwel ismijiet mal-ewwel 11 hekk kif lagħab 123 darba mat-tim nazzjonali Franċiż. Lloris se jkun qed iħares li jirbaħ din il-Euro 2020, f’dik li tista’ tkun l-aħħar kompetizzjoni internazzjonali għalih.

8. Anthony Lopes (Portugall)

Minkejja l-istaġun negattiv ta’ Lyon fi Franza, il-goalkeeper Anthony Lopes kellu diversi prestazzjonijiet tajbin fejn salva lit-tim tiegħu. Għalkemm ħafna m’humiex iqisu lil Lopes bħal n-numru 1 tal-Portugall, hekk kif il-goalkeeper ta’ Wolves Rui Patricio hu inkluż fl-iskwadra wkoll, Lopes beda 4 mill-aħħar 6 partiti internazzjonali.

9. Peter Gulacsi (Ungerija)

Minn meta kien fuq il-kotba ta’ Liverpool, Gulasci renxxielu jikseb suċċess mat-tim ta’ RB Leipzig fil-Ġermanja, fejn fl-aħħar sitt staġuni għin lit-tim jikseb il-promozzjoni mit-tieni diviżjoni għal Bundesliga, kif ukoll għinhom jikkwalifikaw għaċ-Champions League, f’erba’ minn ħames staġuni. Minkejja li l-Ungerija jinsabu f’dak li hu meqjus bħala l-itqal Grupp, ma’ Franza, l-Ġermanja u l-Portugall, Gulasci jrid ikun fl-aqwa forma ta’ ħajtu biex jżomm l-attakkanti tal-kalibru ta’ Cristiano Ronaldo u Kylian Mbappe fost l-oħrajn milli jiskorjaw.

10. Mike Maignan (Franza)

Probabilment Maignan se jkun l-aħjar goalkeeper li mhux se jilgħab fil-Euro 2020 hekk kif huwa diffiċli ħafna li jieħu post Lloris. Minkejja dan, f’każ li Descahmps ikollu jutilizza lil goalkeeper ta’ Lille, hu se jsib goalkeeper preparat, speċjalment wara li għadu ġej minn staġuni brillanti ma’ Lille li wassalhom għar-rebħ tal-Ligue 1.