Lokali Qorti

Il-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech ma ssirx għax qam ma jiflaħx

Il-Qorti laqgħet it-talba tal-Avukati ta’ Yorgen Fenech biex il-kumpilazzjoni tiġi differità għal data oħra. It-talba saret biex il-każ li kellu jinstema’ t-Tnejn filgħodu jiġi differit minnħabba li l-akkużat qam ma jiflaħx filgħodu fl-istess jum li kien se jitkompla jinstema’ l-każ.

Fis-seduta tat-Tnejn kellu jsir l-kontro-eżami ta’ Melvin Theuma quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello wara li jispiċċa l-eżami minn naħa tal-Prosekuzzjoni. Fenech jinsab mixli li ppjana l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. L-Avukat Gianluca Caruana Curran għamel it-talba għad-differiment u qal li s-seduta għandha tiġi differita għal data aktar tard għax jippreferi li l-każ ma jinstemax mingħajr il-preżenza ta’ Fenech.

Wara Uffiċjal mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ippreżenta ċertifikat mediku f’isem Yorgen Fenech. Il-Prosekuzzjoni u parte civile oġġezzjonaw għad-differiment. L-Avukat Jason Azzopardi qal li s-seduta tista’ tkompli kif skedat hekk kif bħalissa jinsabu fil-fażi fejn qed tinġabar l-evidenza u qed tiġi ppreżentata.

Saħaq li billi jkompli jixhed Melvin Theuma mhux se jinkisru d-drittijiet tal-akkużat u li jekk is-seduta ma ssirx hemm ir-riskju li jkunu ppreġidikati d-drittijiet tal-parte civile. L-Avukat Charles Mercieca ma qabilx u qal li d-difiża se tħares lejn l-interessi tagħha fejn Theuma jista jkun li joħroġ b’xi ħaġa ġdida u għalhekk irid ikun hemm preżenti l-akkużat biex ikun jista’ jiggwida lid-difiża hi skont iċ-ċirkostanzi. L-Avukat Azzopardi qal li d-difiża kellha kopja tar-recordings għal xhur sħaħ, bħall-partijiet kollha. Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża.

Melvin Theuma li kien wieħed mill-persuni mdaħħla fil-qtil tal-ġuralista kien ingħata l-proklama biex jixhed kontra l-persuni li kkummissjonaw il-qtil – diġa xehed fil-Qorti nhar it-Tlieta li għaddew bid-difiża tinsisti mal-Qorti li ma kienx qed ikun kredibbli f’dak li kien qed jgħid.

Theuma il-middleman fil-każ qed jallega li Yorgen Fenech kien il-moħħ wara l-qtil ta’ Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru permezz ta’ karozza bomba viċin id-dar tagħha fil-Bidnija. Id-difiża qed tgħid li Theuma mhux kredibbli u fl-aħħar seduta, kif ġara diversi drabi l-qiegħa saħnet fejn anke kien hemm twisisija mill-Qorti fil-konfront tal-Avukat Charles Mercieca għal mod kif beda jikkonduċi d-difiża tiegħu.

Il-Maġistrat Montebello kienet wissiet ukoll lil Melvin Theuma biex jgħid il-verità kollha, għaliex jekk jonqos milli jagħmel dan kienu se jittieħdu l-passi kollha meħtieġa. Theuma mistenni jiġi mgħarbel mid-difiża fuq ix-xhieda li ta l-ġimgħa l-oħra. Melvin Theuma fost affarijiet oħra qal li individwu involut fil-kamp tal-mażunerija kellu jħallas lil Vince Muscat, il-Koħħu €100,000 għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Ħafna mill-persuni li semma’ Theuma ma jistgħux jiġu żvelati fil-media fuq ordni tal-Qorti.

Fenech qed jiġi mixli wkoll li pparteċipa b’mod attiv fl-attivitajiet kriminali tal-għaqda, u mhux limitat għall-għoti ta’ nformazzjoni jew ta’ meżżi materjal jew reklutaġġ ta’ membri ġodda, meta kien jaf l-għan jew l-attività b’mod ġenerali tal-għaqda stabbilità.

Li rrenda ruħu kompliċi ma’ terzi persuni li dolożament bil-ħsieb li joqtlu persuna, cioe lil Daphne Caruana Galizia, jew li jqiegħdu l-ħajja tagħha f’periklu ċar, ikkaġunawlha l-mewt. Kif ukoll li f’Malta assoċja ruħu ma’ xi persuna jew persuni f’Malta jew barra minn Malta bil-għan li jwettaq delitt f’Malta li għalih hemm piena ta’ priġunerija.

Akkuża oħra tgħid li rrenda ruħu kompliċi ma’ terzi li dolożament, b’sustanza splussiva wettqu splużjoni li kkaġunat il-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia jew li setgħet tqiegħed f’periklu l-ħajja ta’ ħaddieħor jew tagħmel ħsara gravi lil ħwejjeġ ħaddieħor.

L-Avukati Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca qed jidhru għal Yorgen Fenech. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja Caruana Galizia filwaqt li l-Avukati Philip Galea Farrugia u Anthony Vella qegħdin jirrappreżentaw lill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali bil-Prosekuzzjoni titmexxa mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra.

.