Lokali

Ma jiċħadx li kellu aċċess għas-sistema tas-sigurtà tal-HSBC

Ma jweġibx, iżda ma jiċħadx. Mistoqsija sempliċi għal eks impjegat tal-HSBC li għal xi raġuni, il-Ministru Carmelo Abela ma kienx komdu jwieġeb. Mistoqsi jekk fil-passat, kellux aċċess għall-ħolqien ta’ cards jew temporary cards ta’ sigurtà tal-HSBC, Abela saħaq li mhux se jiddiskuti l-ħidma tiegħu fil-bank.

Mistoqsi għal darb’oħra, b’mod dirett minn Net News, jekk kellux aċċess li joħloq access cards tas-sistema tas-sigurtà fl-HSBC meta kien impjegat tal-bank, il-Ministru reġa’ ma weġibx b’iva’ jew ‘le’ u reġa’ saħaq li mhux se jiddiskuti l-ħidma tiegħu fil-pubbliku. Dan wara li attakka b’mod partiġġjan lill-Partit Nazzjonalista.

Dan in-nuqqas ta’ risposti mill-Ministru Abela jaslu wara li fl-aħħar jiem issejjaħ fid-Depot tal-Pulizija fejn jidher li kien interrogat b’rabta mal-attentat ta’ serqa u l-isparatura fuq il-bank HSBC lura fl-2010, meta dak iż-żmien Carmelo Abela kien impjegat tal-istess bank. Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru qed jiċħad kwalukwe involviment fl-attentat, iżda Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu – flimkien mal-aħwa Degiorgio – qed jibqgħu jorbtuh ma’ dan il-każ sensittiv.

Fl-aħħar jiem, kien żvelat kif il-Pulizija għaddejjin bl-investigazzjonijijet tagħhom dwar l-attentat ta’ serqa fuq il-kwartieri ġenerali tal-Bank HSBC, 11-il sena ilu, fejn kienu sparati 14-il tir fil-konfront tal-Pulizija.

In-nuqqas ta’ deċiżjoni minn Robert Abela qed tiġbed il-kritika ta’ ħafna hekk kif il-Prim Ministru ta’ pajjiżna qed jagħżel li jħalli dan il-kapitlu miftuħ beraħ. Kollox qed jindika illi Robert Abela mhux komdu jissospendi lil Carmelo Abela mill-Kabinett sakemm jitlestew l-investigazzjonijiet. Bl-istess Ministru jibqa’ ma jissospendix ruħu.

Dan jikkuntrasta ferm ma’ każ separat, fejn, id-Deputat Rosianne Cutajar issospendiet ruħha mill-Kabinett tal-Labour sakemm titlesta investigazzjoni fil-konfront tagħha. Fl-aħħar jiem, mistoqsi minn NET News, Carmelo Abela insista li l-każ tiegħu hu differenti.