Lokali Parlament

Prijorità għall-investiment fl-edukazzjoni, fir-reputazzjoni ta’ Malta u l-ħolqien ta’ niċeċ ġodda

Karl Gouder, PN

Id-deputat Nazzjonalista qal li Malta għandha tagħti prijorità għall-investiment fl-edukazzjoni, fir-reputazzjoni ta’ Malta u niċeċ ġodda biex tkompli ssaħħaħ il-futr tal-ekonomija.

Fil-parlament llejla, Karl Gouder qal li fl-avjazzjoni Mlata għandha tagħmel dak li għamlet fir-Reġistru tal-Bastimenti, li hu l-aktar fl-Ewropa u li jħalli dħul għall-pajjiż. Hu tkellem dwar l-importanza li Malta tidentifika n-niċeċ ekonomiċi tagħha u rrikonoxxa l-ħiliet tal-ħaddiem Malti flimkien mal-kmand tajjeb tal-lingwa Ingliża u r-reputazzjoni li għandu l-pajjiż.

Id-deputat Nazzjonalista qal li jekk Malta trid li jkollha Reġistru tal-Avjazzjoni fost l-aqwa fl-Ewropa, il-pajjiż irid ikompli jinvesti f’dawn it-tliet settri. Karl Gouder enfażizza l-importanza tal-flessibbiltà fis-sistema edukattvia li tiġi mill-fatt li Malta hi pajjiż żgħir u qal li l-pajjiż qatt ma jista’ jieqaf jagħti l-prijorità lill-edukazzjoni. Għalhekk jeħtieġ li l-gvern jinvesti bil-qawwi f’niċeċ ġodda li għadhom fil-bidu biex dawn ikunu l-futur tal-ekonomija Maltija.

Karl Gouder kompla li ż-żgħażagħ iridu jkunu huma s-settur li jieħdu l-opportunitajiet u sostna li l-ekonomija Matija moderna għandha tkun prijorità għall-pajjiż. Dan filwaqt li tkompli tissaħħaħ l-ekonomija preżenti u tkompli tissaħħaħ il-lingwa Ingliża għaliex din tiftaħ opportunitajiet kbar. Din hi wkoll fattur importanti biex il-pajjiż jattira l-investiment barrani.