‘Replay Euro 2020′ hu l-isem tal-programm il-ġdid li se jibda jixxandar kuljum fuq Net Television, minn nhar it-Tlieta, 8 ta’ Ġunju, bejn it-8:10pm u d-8:45pm. Kif seħħ fil-passat, kull darba li jkun imiss li tintlagħab edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja jew tal-Euro, Net Television, permezz tat-tim tal-programmi sportivi Replay, iwassal xandiriet speċjali, kuljum u tul kemm iddum il-kompetizzjoni. Hekk se jerġa’ jiġri din id-darba, hekk kif il-Euro 2020 se tkun qed tibda tintlagħab minn nhar il-Ġimgħa, 11 ta’ Ġunju u tibqa’ għaddejha sa nhar il-Ħadd, 11 ta’ Lulju.
‘Replay Euro 2020′ kuljum fit-8:10pm fuq Net Television, minn nhar it-Tlieta, 8 ta’ Ġunju
Minn nhar it-Tlieta, 8 ta’ Ġunju, ‘Replay Euro 2020′ se jkun qed jitwassal kuljum fid-djar tad-dilettanti kollha tal-futbol internazzjonali, b’xandira diretta fuq Net Television, u li tibda fit-8:10pm. Il-moħħ wara dan il-programm se jerġa’ jkun Christian Micallef, il-producer eżekuttiv tal-programmi Replay u l-Kap tat-Taqsima Sport f’Net Television. Micallef se jkun qed jippreżenta dan il-programm ukoll, iżda miegħu se jkun hemm ukoll żewġ personalitajiet oħra li huma magħrufa ma’ dawk li jsegwu Replay. Dawn huma George Cassar u Roderick Vella. Dawn it-tliet preżentaturi se jkunu qed jalternaw fil-jiem ta’ matul il-Euro 2020, fil-presentazzjoni ta’ ‘Replay Euro 2020′, bil-kontenut se jibqa’ dejjem kostanti u ta’ livell, taħt il-produzzjoni ta’ Micallef.
Kuljum, f’programm ta’ nofs siegħa, b’mod mexxej u konċiz, Net Television se jkun qed iwassal analiżi u diskussjoni, dwar dak kollu li jkun qed iseħħ fil-partiti tal-Euro 2020, eżatt kif jispiċċa Net News tas-7:30pm. Bis-sehem ta’ numru ta’ mistiedna lokali u saħansitra anke internazzjonali, ‘Replay Euro 2020′, se jkun qed iwassal il-filmati tal-gowls u l-aħħar azzjonijiet mill-partiti ta’ din l-edizzjoni tal-Euro, kif ukoll l-aħħar kummenti tal-protagonisti ta’ dan it-turnament Ewropew.
Replay hu magħruf għall-istil uniku u ta’ livell fil-presentazzjoni tal-programmi sportivi fuq it-televiżjoni Maltija, u din il-produzzjoni se tkun sensiela oħra li tkompli tikkonferma r-reputazzjoni mill-aqwa li dan il-programm għandu f’Malta ma’ kull min hu dilettant tal-futbol. Dan għaliex lilhinn mill-gowls, li faċilment tista’ tarhom fuq kwalunkwé programm jew stazzjon ieħor fuq it-televiżijoni, ta’ kuljum se nkunu qed inwasslu diskussjoni b’mistiedna ta’ livell, kif ukoll servizzi oħra ta’ interess dwar dak kollu li jkun qed iseħħ b’rabta ma’ din il-kompetizzjoni tant popolari.
Dan il-programm se jkun qed jaħdem katina ma’ servizz ieħor li tant qed ikun segwit u mfaħħar mid-dilettanti tal-futbol, dak li qed twassal it-Taqsima Sport ta’ Net Television, permezz ta’ dan in-newsportal b’sezzjoni apposta u riservata speċifikament għall-Euro 2020. Sa mill-bidu ta’ dan ix-xahar, dan is-sit beda’ jwassal l-aħħar aħbarijiet bil-Malti u b’mod konċiz, dwar dan it-turnament, grazzi għas-sehem tal-ġurnalisti Jordi Farrugia u Liam Farrugia, bl-għajnuna u t-tmexxija editorjali ta’ Micallef. Ma’ dawn, għall-programm ‘Replay Euro 2020′, issa se jkun qed jingħaqad ukoll Rowen Camilleri li se jkun qed jagħmel xogħol ta’ assistant għall-produzzjoni.
‘Replay Euro 2020′ se jkun il-programm ta’ kuljum, li se jibda jixxandar minn nhar it-Tlieta, 8 ta’ Ġunju, fit-8:10pm fuq Net Television.
//= $special ?>