Internazzjonali

Stati Uniti: L-attur Joe Lara — magħruf għall-interpretazzjoni ta’ ‘Tarzan’ — imut fi traġedja tal-ajru

L-attur Amerikan Joe Lara – magħruf aħjar għall-interpretazzjonijiet tiegħu ta’ Tarzan, ir-Raġel tal-Ġungla – tilef ħajtu f’tiġrif ta’ ajruplan żgħir fl-inħawi ta’ Tennessee.

Fl-inċident,  l-ajruplan żgħir privat tat-tip Cessna — li kien tela’ mill-ajruport ta’ Smyrna – iġġarraf direttament fi xmara fil-limiti ta’ Nashville u fejn mietu s-seba’ persuni ta’ fuqu, inkluża l-mara tal-attur, Gwen Shamblin Lara.

L-iskwadri għall-emerġenzi li marru fuq il-post sabu l-fdalijiet tal-vittmi mifruxin madwar l-inħawi tad-diżastru u fejn ikkonfermaw li ma kien salva ħadd.

Joe Lara, li kellu 58 sena, kien il-protagonista tal-film tal-1989 ( għat-televiżjoni) ‘Tarzan in Manhattan’ u wara hu kien l-attur prinċipali f’sensiela televiżiva oħra bit-tema ‘The Epic Adventures of Tarzan.’ Intant, Lara kien warrab għal karriera fil-films fl-2002 biex jiddedika ruħu għal karriera fil-mużika country.