Taljan ta’ 38 sena li ma jaħdimx ġie kundannat 18-il xahar ħabs wara li ammetta li fis-7 ta’ Ottubru li għadda wettaq serqa ta’ €900 fi flus kontanti u b’kemm jiswew €100 f’sigaretti minn Mini Market f’San Pawl il-Baħar. Gabriele Moccia minn Ferrara u li f’Malta huwa resdenti San Pawl il-Baħar ma kienx ammetta meta tressaq il-Qorti ħamest ijiem wara li wettaq din is-serqa.
Huwa wara ammetta li kien li għall-ħabta tas-6.45pm. għadda mill-ħanut A and Z Mini Market permezz ta’ ‘hold-up.’ Waqt il-kumpilazzjoni ammetta wkoll li ssekwestra mara kontra l-volontà tagħha u li kellu fil-pusses tiegħu sikkina mingħajr liċenzja tal-Pulizija.
L-Ispettur Mario Xiberras kien ikkonferma li minn analiżi li sar minn fuq is-CCTV tal-ħanut u ta’ ħwienet oħra fil-madwar huma waslu għal min kienet il-persuna li wettqet is-serqa. Tenna wkoll li l-Pulizija ma kinitx taf fejn kien qed jirrisejedi sakemm daħlet informazzjoni lill-Pulizija li hu kien jgħix f’residenza f’San Pawl il-Baħar u ġie arrestat flimkien ma’ ħabib tiegħu. Moccia ġie mmultat ukoll €116.47 u li jħallas lura d-€900 li seraq.
//= $special ?>