Lokali

Abela jibqa’ ma jweġibx dwar il-kontijiet u l-flus misruqa

Minkejja li hu dak li suppost jindirizza t-tħassib tal-Maltin u l-Għawdxin kollha, il-Prim Ministru Robert Abela qed jagħżel li jaħrab milli jwieġeb.

Fil-fatt, f’anqas minn 24 siegħa, Abela ħarab għal tliet darbiet milli jwieġeb id-domanda ċara tal-ġurnalisti: jekk l-eluf ta’ Maltin u l-Għawdxin li nsterqu l-miljuni ta’ ewro mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma hux se jitħallsu lura … u aktar minn hekk, jekk il-Gvern hux se jsib soluzzjoni biex iwaqqaf dan is-serq milli jkompli jitwettaq.

Wara li l-ġimgħa li għaddiet ġie żvelat li l-poplu Malti u Għawdxi s’issa nsteraq madwar €50 miljun minn kemm ilu l-Partit Laburista fil-Gvern. Serq mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma, li mistenni jkun ikkonfermat minn rapport tal-NAO, li għadu jrid jiġi ppubblikat.

Iżda ffaċċjat b’dan kollu, Robert Abela għal xi raġuni jew oħra mhux komdu jwieġeb kif u meta l-Gvern tiegħu se jrodd lura flus l-eluf ta’ Maltin u Għawdxin li nsterqu. It-Tlieta filgħodu NET News staqsa lill-Prim Ministru din id-domanda u minflok wieġeb, hu għażel li jaħrab u ma jerfax ir-responsabbilità għas-serq li qed jagħmel il-Gvern Laburista.

Fl-aħħar jiem, mhux biss Robert Abela qed jinjora l-appelli ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin li qed jinsterqu mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma, taħt l-għajta li raħsu l-kontijiet, iżda qed jinjora wkoll l-ammissjoni tal-predeċessur tiegħu – l-eks Prim Ministru Joseph Muscat – li tliet snin ilu ammetta li hemm anomalija fil-kontijiet tal-ARMS.

Aktar tard matul il-jum, kemm Robert Abela kif ukoll il-Ministri Ian Borg u Clint Camilleri ħarbu għalkollox mid-domandi tal-ġurnalisti … tant li l-Uffiċjali ta’ Kastilja jżommuhom ‘il bogħod qalb sigurtà stretta. Fil-fatt, għalkemm il-ġurnalisti kienu mistednin għall-konferenza tal-aħbarijiet, il-ġurnalisti kollha spiċċaw injorati … f’attitudni pjuttost stramba minn Kap ta’ Gvern li jgħid li hu miftuħ għal kulħadd.

Ikkummenta