Lokali Parlament

Appell biex ma tinqeridx il-Bajja tal-Balluta b’fast ferry service

Karl Gouder, PN

Id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder appella biex il-Bajja tal-Balluta ma tinqeridx bil-proġett tal-fast ferry service li se jsir; dan hu l-aħħar ċans biex tissolva din il-bajja.

Fl-Aġġornament tal-parlament illejla Karl Gouder qal li fast ferry service li se jsir fil-Balluta se jikkaġuna sfreġju bil-moll li qed jinbena. Dan is-servizz m’għandux jgħaddi mill-Bajja tal-Balluta għaliex hemm alternattivi oħra.

Il-PN qed jipproponi l-pixxina tal-klabb tal-waterpolo ta’ San Ġiljan issir bil-livelli skont il-kapaċitajiet tal-waterpolo fil-pajjiż.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-problema li hemm hi l-fast ferry service li se jibqa’ dieħel fil-Bajja tal-Balluta qrib il-klabb ta’ San Ġiljan. Il-post fejn se jieqaf dan is-servizz hi bajja naturali li titgawda mill-komunità ta’ San Ġiljan. Dan is-servizz se jkollu effetti fuq din il-bajja bil-vapur li jidħol u joħroġ xi 20 darba kuljum.

Hu appella lill-gvern għas-sens komun biex dan l-isfreġju ma jsirx f’din il-Bajja iżda jsir f’post ieħor; il-PN mhux kontra s-servizz iżda hu għajb li l-gvern se jibqa’ jwebbes rasu li jirrovina bajja darba għal dejjem.

Dan is-servizz se jkollu impatt fuq it-traffiku fi triq traffikuża fiċ-ċentru ta’ San Ġiljan u li diġà hi traffikuża ħafna. Issa se jiżdiedu l-coaches li jwasslu lit-turisti.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-bini tal-pixxina hi biss skuża biex tinqered il-Bajja tal-Balluta; anki l-kunsill lokali tkellem fuq alternattivi għall-fast ferry service li għandu jsir biex jitnaqqas it-traffiku u l-istress mit-toroq. Dan il-proġett se jwassal għal iktar pressjoni fuq it-toroq tal-madwar, sostna Karl Gouder.