L-atleta Malti Bradley Mifsud kiser ir-rekord nazzjonali tal-Javelin waqt il-Kampjonati Nazzjonali li saru f’Andorra li saru fi tmiem il-ġimgħa. Mifsud għamel tefa’ ta’ 66.47 metri biex b’hekk kiser ir-rekord nazzjonali tal-atletika Maltija.
B’kollox f’dawn il-kampjonati, ħadu sehem 32 atleta minn Malta. Kienu żewġ atleti oħra li rnexxilhom jirreġistraw rekord fil-kategorija tal-età tagħhom, fejn dan l-avveniment serva ta’ test importanti għall-atleti Maltin bi preparazzjoni għall-impenji internazzjonali li ġejjin.
L-atleta ta’ Pembroke, Rachela Pace waqqfet rekord nazzjonali fil-kategorija ta’ taħt l-20 sena fit-triple jump fejn għamlet qabża ta’ 12.23 metri filwaqt li Antonella Chouhal waqqfet rekord ġdid fil-hammer throw fil-kategorija tal-‘over 45’.
Claire Azzopardi ta’ Pembroke qabżet 16.62 metri fit-triple jump biex b’hekk temmet fl-ewwel post filwaqt li Ian Grech irreġistra 14.60 metru fil-ewwel qabża ta’ dan l-istaġun. Graham Pellegrini, rebaħ it-tellieqa tal-200 metru fejn irreġistra ħin ta’ 22.29 sekondi fejn huwa l-aqwa ħin personali għalih. Hu għamel dan ukoll fl-400 metru fejn temm f’49.18 sekonda, riżultat li poġġieh biss 0.02 sekonda ‘il bogħod mir-rekord nazzjonali ta’ taħt it-18-il sena.
Janet Richard rebħet l-400 mteru hekk kif kompliet it-tħejjija tagħha għall-Olimpjadi hekk kif temmet kamp ta’ taħriġ fl-Italja. Daniel Saliba temm it-tieni fil-110 metur hurdles filwaqt li Sarah Busuttil temmet it-tieni fil-100 metru u rebħet fil-200 mteru f’ħin ta’ 25.32 sekonda. Luke Bezzina tejjeb il-ħin tal-100 metru fejn kiseb it-tieni post. Chris Chetcuti kiseb l-aqwa ħin personali għalih fit-800 metru b’ħin ta’ 1.55.28 sekonda. Dillon Cassar irreġistra ħin mill-aqwa fil-5,000 metru fejn temm it-tieni fi 15.01.03 sekona.
Duncan Abdilla li mexxa d-delegazzjoni Maltija qal: ““Din kienet esperjenza mill-aqwa fejn kelli l-opportuntà nara l-atleti nazzjonali jikkompetu f’dan il-livell għoli. Ninsab kuntent bir-riżultati miksuba fejn rajna mhux biss rekord nazzjonali, iżda wkoll rekords ta’ kategoriji tal-età kif ukoll seasonal u personal bests. Dan kollu jawgura tajjeb ħafna għall-impenji internazzjonali li għandu t-Tim Nazzjonali fil-ġranet li ġejjin”. Il-kontinġent Malti fi tmiem il-ġimgħa jitlaq lejn San Marino fejn 17-il atleta se jieħdu sehem fil-Kampjonat tal-Atletika tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
//= $special ?>