It-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi ddikjarat tilwima industrijali mal-PBS minħabba ksur u injorar tal-Ftehim Kollettiv li jkopri s-snin mill-2019 sal-2023.
Fi stqarrija, il-GWU qalet li l-management tal-PBS ħareġ pożizzjoni ġdida u l-grad marbut magħha. Din il-pożizzjoni mhijiex inkluża fil-ftehim kollettiv u fl-istruttura tal-gradi u pagi eżistenti fil-PBS.
Waqt laqgħa introduttorja li l-uffiċjali tat-Taqsima kellhom maċ-Chairman Eżekuttiv il-ġdid u l-bqija tal-maniġment tal-PBS, ġie aċċennat il-punt kruċjali li l-maniġment għandu jimxi fuq dak li hemm maqbul fil-ftehim kollettiv u kull żieda jew tibdil għandha tiġi diskussa u miftiehem mal-Union bħala sħab soċjali. Dan ma sarx u l-GWU talbet lill-PBS biex jirtira l-applikazzjoni u tinħareġ waħda skont kif issuġġeriet il-Union. Din it-talba ġiet irrifjutata min-naħa tal-PBS.
Għaldaqstant il-GWU ma kienx fadlilha triq oħra ħlief li tiddikjara tilwima industrijali skont kif inhu stipulat fl-istess Ftehim Kollettiv, ittemm l-istqarrija.
//= $special ?>