Lokali Unjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Venezja tagħti raġun lill-Oppożizzjoni

Il-Kummissjoni Venezja llum ħarġet opinjoni li biha qalet lill-Gvern ta’ Malta li ma jistax ibiddel il-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali dwar pieni amministrattivi  ħlief b’ emenda Kostituzzjonali li għandha bżonn maġġoranza  ta’ żewġ terzi tal-Membri Parlamentari kollha.

Il-każ qam meta l-Gvern ried b’ sempliċi liġi ordinarja, mingħajr żewġ terzi, jemenda t-tifsira ta’ kliem tal-Kostituzzjoni sabiex pieni amministrattivi, li wħud minnhom jammontaw għal miljuni ta’ liri, ikunu jistgħu jiġu imposti minn organi li mhumiex Qrati.  Il-Qorti Kostituzzjonali ta’ Malta f’diversi sentenzi kienet qalet li dan ma jistax isir.

Il-Gvern l-ewwel prova jemenda l-Kostituzzjoni sabiex dan ikun jista’ isir. Meta l-Oppożizzjoni oggezzjonat għal dan,  u ra li ma kellux allura ż-żewġ terzi meħtieġa, prova jemenda b’liġi ordinarja t-tifsira tal-kliem tal-Kostituzzjoni biex iwaqqa’ s-sentenzi tal-ogħla Qorti tal-pajjiż.

Meta qamet kontroversja dwar dan,  ġuristi magħrufa bħal l-ex-Imħallef tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Giovanni Bonello, l-ex-Kummissarju Ewropew Tonio Borg, l-ex Imħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja u ex l-Avukat Ġenerali Anthony Borg Barthet,  sostnew  li dan kien jimmina is-supremazija  tal-Kostituzzjoni.  Il-Gvern , maqbud f’dil-kontroversja li ħoloq hu stess, iddeċieda li jitlob hu stess il-parir tal-Kummissjoni Venezja.

Il-Kummissjoni Venezja llum tat raġun lill-Oppożizzjoni u lill-imsemmija esperti tal-liġi. Ebda tibdil ma jista’ jsir tal-każijiet tal-Qorti Kostituzzjonali ħlief b’emenda Kostituzzjonali li teħtieġ  l-appoġġ ta’ mill-inqas  żewġ terzi tad-Deputati  tal-Parlament.

Din l-opinjoni hija konferma ta’ kemm kellha raġun l-Oppożizzjoni, u turi l-arroganza tal-Gvern li prova jwaqqa’ is-supremazija tal-Kostituzzjoni bi strataġemma li ma rnexxietx bis-saħħa tar-reżistenza tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.