EURO 2020 Futbol Sport

Il-partitarji tal-Maċedonja joġġezzjonaw għall-kits il-ġodda tat-tim lejliet id-debutt Ewropew

Macedonia ta' Fuq

Il-Maċedonja ta’ Fuq qed jgħixu mument storiku fil-futbol internazzjonali, hekk kf se jkunu qed jilgħabu fil-finali tal-Euro għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom. Madankollu, lejliet id-debutt tagħhom, faqgħet kontroversja sħiħa meta nhar il-Ġimgħa li għadda, il-federazzjoni tal-futbol fil-pajjiż (FFM), ippreżentaw il-kits il-ġodda, xogħol il-kumpanija Ġermaniża li timmanifatura llbies sportiv, Jako.

Dawn il-kits inħadmu apposta sabiex il-Maċedonja ta’ Fuq tkun tista’ tilgħab bihom fid-debutt tagħhom fil-fażi tal-Kampjonati Ewropej. Madankollu ġara dak li ma kienx mistenni u mixtieq, speċjalment mill-FFM. Dan għaliex ir-reazzjoni tal-partitarji, mat-tnedija tal-kits il-ġodda tat-tim nazzjonali, nisslet kontroversja sħiħa u ġabet sentiment negattit u ta’ rabja. Lejliet l-ewwel partita tal-Maċedonja ta’ Fuq fil-Euro 2020, nhar it-13 ta’ Ġunju kontra l-Awstrija, id-diskussjoni f’dan il-pajjiż dahret fuq id-disinn tal-kits il-ġodda minflokk fuq il-preparazzjoni tal-iskwadra, taħt it-tmexxija tal-kowċ Igor Angelovski.

Il-kit il-ġdid ta’ kulur aħmar, li kellu jintuża’ bħala l-ewwel flokk tal-Maċedonja ta’ Fuq għall-partiti tal-Euro 2020.

Il-kit il-ġdid, speċjalment il-flokk aħmar, li hu l-ewwel flokk tat-tim nazzjonali, elimina għal kollox l-effett tar-raġġi sofor li joħorġu mill-emblema tal-federazzjoni tal-Maċedonja ta’ Fuq. Dan kollu nissel rabja u diżappunt fost il-partitarji sal-punt li kellu jintervjeni l-President tal-istess FFM, Muamed Sejdini, b’konsegwenza li l-kit il-ġdid kellu jkun irtirat u t-tim nazzjonali se jkun qed jilgħab bid-disinn tal-flokk li l-Maċedonja ta’ Fuq ilha tilgħab biħ mill-2016.

“Aħna konxji li l-flokk tat-tim nazzjonali huwa unur u ambizzjoni ta’ kull plejer tal-futbol, sa minn età żgħira. Sfortunatament, il-kits li ħadu ħsieb sabiex jipproduċu għalina t-technical sponsor tagħna, m’humiex skont ir-rekwiżiti tal-FFM. Fid-dawl ta’ dan il-fatt, bħala federazzjoni qed nieħdu responsabbiltà sħiħa ta’ din lgħażla, iżda se nkunu qed nitolbu wkoll sabiex anke l-istess technical sponsor, iġorr ir-responsabbiltà tiegħu. Għalhekk qed inħabbar li għall-Euro 2020, se nkunu qed nilgħabu bil-flokkijiet li konna qed nilgħabu bihom sal-lum,” qal il-President tal-FFM, Sejdini.

Il-kit l-aħmar li l-Maċedonja ta’ Fuq ilhom jilgħabu biħ mill-2016 u li se jerġgħu jilgħabu biħ fil-Euro 2020.