Lokali Parlament

Il-parlament għandu juża l-informazzjoni u l-għerf tal-akkademiċi fit-tfassil tal-liġijiet

Claudio Gerch, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudio Gerch appella fil-parlament llejla biex il-parlament għandu juża l-informazzjoni u t-tagħrif tal-akkademiċi fit-tfassil tal-liġijiet.

Claudio Grech qal li l-Abbozz ta’ Liġi biex jemenda l-Att dwar l-Użu mill-Ġdid tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku għandu importanza kbira għax hu suġġett ta’ direttiva tal-UE li timponi obbligu fuq il-gvern li l-informazzjoni kollha, b’eċċezzjonijiet definiti fil-liġi, trid tinfetaħ għall-pubbliku, għall-NGOs u għall-entitajiet kummerċjali.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-informazzjoni tmiss is-setturi kollha tal-ekonomija minħabba t-teknoloġija diġitali. L-informazzjoni miġbura tintuża kemm għal servizzi elettroniċi u effiċjenti kif ukoll għall-entitajiet tal-gvern u biex tkun formulata l-istrateġija. Minbarra dan, jekk il-parlament ikollu aċċess għal din l-informazzjoni l-proċess leġiżlattiv ikun jista’ jitwettaq ħafna aħjar.

Claudio Grech qal li l-NGOs jistgħu jibbenefikaw ħafna minn din l-informazzjoni fosthom dawk li jaħdmu fis-settur tas-saħħa. Hu saħaq fuq l-informazzjoni tal-evidenza biex tkun formulata l-politika b’mod fattwali.

Importanti li jkun hemm kawtela kbira biex jinżamm il-bilanċ bejn id-drittijiet tal-persuni u l-aċċess mingħajr ostakoli tekniċi għall-informazzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern qed ikun diffiċli billi ma jagħtix l-informazzjoni mitluba u sostna li l-informazzjoni li tingħata m’għandhiex tkun diffiċli biex tkun interpretata. Hu qal li dan is-settur jista’ joħloq elementi pożittivi fosthom fir-rwoli tal-NGOs. Fost l-informazzjoni li għandha tkun aċċessibbli bla ħlas hekk dik dwar il-ġeografija, it-trasport, il-kumpaniji u l-ippjanar.

Claudio Grech tkellem dwar il-bżonn li l-parlament ikollu l-aċċess għal informazzjoni relatata mal-liġijiet li jkunu diskussi. Jeħtieġ li l-akkademiċi jkunu involuti fit-tfassil tal-liġijiet permezz ta’ parteċipazzjoni fil-kumitat tal-parlament. L-akkademiċi u l-għaqdiet iħossuhom skartatati meta ma jkunux involuti għaliex l-informazzjoni qed tibqa’ fl-Università, sostna d-deputat Nazzjonalista.