Lokali

Il-Partit Nazzjonalista se jkun parteċipi fil-Bord tal-Awtoritá tal-Artijiet

Il-Partit Nazzjonalista aċċetta t-talba tal-Gvern li jerġa’ jkun parteċipi b’mod attiv fil-Bord tal-Awtoritá tal-Artijiet.
Wara li f’Novembru tal-2019, ir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni fil-Bord, id-deputat Ryan Callus kien rriżenja minn dan il-Bord:

  1. Il-persuna li kien qed jieħu d-deċiżjonijiet arbitrarji u partiġġjani, James Piscopo, li hu l-istess persuna li l-Oppożizzjoni ma kellhiex fiduċja fih bħala Kap Eżekuttiv fl-Awtoritá tal-Artijiet, illum m’għadux jokkupa din il-kariga u allura f’dan is-sens kien hemm bidla pożittiva;
  2. Il-Partit Nazzjonalista permezz tar-rappreżentanti fil-Kumitat Parlamentari għall-Ħatriet Pubbliċi vvota b’kawtela favur il-ħatra ta’ Dr John Vassallo bħala ċ-Chairman ġdid tal-Awtorita’ tal-Artijiet u dan sabiex l-Oppożizzjoni tagħti l-opportunitá lill-Gvern biex isir t-titjib meħtieġ f’din l-Awtoritá;
  3. L-Oppożizzjoni permezz tar-rappreżentant tagħha fil-Bord tal-Artijiet, Ryan Callus, kienet ikkritikat bil-qawwa li l-Bord tneżża’ mil-poteri tiegħu, waħda mir-raġunijiet li waslet għar-riżenja tad-Deputat Ryan Callus bħala r-rappreżentant tal-Oppożizzjoni.

Ir-rappreżentant il-ġdid tal-Oppożizzjoni f’dan il-Bord se jkun il-vuċi sabiex dawn il-poteri jerġgħu jitneħħew mill-Kap Eżekuttiv u jingħataw lura lill-Bord tal-Artijiet.

L-Oppożizzjoni b’sinjal ta’ rieda tajba, wara l-ħatriet ġodda taċ-Chairman u tal-Kap Eżekuttiv u fid-dawl tal-fatt, li s-seduti jsiru fil-magħluq, il-Partit Nazzjonalista jemmen li hu għaqli li jkun preżenti mill-ġdid għal dawn il-laqgħat, jipparteċipa b’mod attiv u jsir l-iskrutinju meħtieġ.

Għaldaqstant il-Kap tal-Oppożizzjoni nnomina l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija, s-Servizzi Finanzjarji u l-Artijiet Kristy Debono sabiex tkun membru f’dan il-Bord skont kif provdut fl-Att dwar l-Awtoritá tal-Artijiet.